Sunday, March 23, 2025

Bil-ħelsien ħadna kontroll tal-finanzi u l-ekonomija ta’ pajjiżna u aħna qed niddeċiedu kif ninvestu flusna għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li Jum il-Ħelsien huwa jum importanti għall-istorja ekonomika ta’ pajjiżna.  Sostna li wara l-31 ta’ Marzu tal-1979, il-prosperità ta’ Malta tiddependi fuq il-paċi, għax qabel kienet tiddependi fuq il-gwerra.  Il-Prim Ministru qal li d-deċiżjoni kuraġġjuża tal-Perit Duminku Mintoff dak iż-żmien kienet l-aktar waħda importanti li qatt ħa mexxej politiku f’pajjiżna. 

Sostna li minn terz tal-ħaddiema f’pajjiżna jiddependu direttament min-nefqa militari tal-Gvern Ingliż, b’rapporti ta’ esperti u ekonomisti barranin kellhom tbassir negattiv għal Malta ħielsa, illum nafu kif ħielsa mid-dipendenza fuq l-ispiża militari, Malta saret waħda mill-aqwa ekonomiji fl-istorja.

Processed with VSCO with g6 preset

Il-Prim Ministru spjega kif Malta hija waħda minn 5 pajjiżi li fuq medda ta’ 50 sena l-ekonomija tikber b’medja ta’ iktar minn 5% fis-sena.  Qal li fl-1979 f’pajjiżna kellna ġid nazzjonali li qas kien ilaħħaq l-ekwivalenti ta’ €900 miljun tal-lum.  Sostna li s-sena li għaddiet kellna ġid nazzjonali 25 darba ikbar, u fl-aħħar 12-il sena, Gvern Laburista rnexxielu jirdoppja l-ekonomija ta’ Malta.

Dr Abela qal li minn ekonomija dipendenti fuq settur wieħed – tad-difiża – pajjiżna sar wieħed mill-iktar ekonomiji diversifikati fid-dinja, mertu mhux biss ta’ Gvern immexxi minnu, iżda mertu wkoll ta’ Duminku Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Joseph Muscat.

Il-Prim Ministru qal li fl-aħħar 5 snin, minkejja l-isfidi ta’ pandemija,  żewġ gwerer u splużjoni fil-prezzijiet internazzjonali, Gvern Laburista m’għamilx bħal Gvern Nazzjonalista ta’ qabel l-2013 meta quddiem sfidi ferm iżgħar kien għotor u mpona miżuri t’awsterità. 

Sostna li Gvern Laburista jrid ikun it-tarka għall-familji u n-negozji, bil-magna produttiva tal-pajjiż tibqa’ qawwija u sħiħa, tant li llum Malta għandha tkabbir sitt darbiet iktar mill-bqija tal-pajjiżi Ewropej. 

Dr Abela qal li dak li għal ħaddieħor isejjaħlu spiża, għalih huwa investiment.  Il-Prim Ministru qal li bil-ħelsien ħadna kontroll tal-finanzi u l-ekonomija ta’ pajjiżna, u meta mar Brussell ġab il-garanziji li aħna niddeċiedu kif nonfqu flusna, u l-ebda barrani ma jista’ jaqbad u jikkmandana kif se nonfqu flus il-poplu tagħna.

Il-Prim Ministru qal li mindu ħadna rajna f’idejna, u sirna newtrali u non-allinjati, il-ġid li rajna kien bla waqfien.  Semma fosthom iċ-childcare b’xejn, l-edukazzjoni b’xejn, stipendju lill-istudenti universitarji, is-saħħa b’xejn, it-trasport pubbliku b’xejn, it-trapsort għall-iskejjel b’xejn, €1,000 fis-sena liż-żgħażagħ għall-house loan għal 10 snin, kif ukoll fjuwil u elettriku irħas.

Dr Abela qal li Malta se tibqa’ taħdem fuq l-ekonomija tal-futur li toħloq kwalità tal-ħajja aħjar għall-familji, prosperità ġdida li toħloq karrieri, progress ekonomiku b’teknoloġiji li jħarsu l-ambjent, u l-ħolqien ta’ niċeċ ġodda fis-settur diġitali sabiex l-ekonomija tagħna tkompli tkun fonti ta’ ġid għall-familji Għawdxin u Maltin.  Temm jgħid li l-pajjiż irid jibqa’ jemmen f’Malta ħielsa u appella lin-nies biex ifakkru l-kisba tal-ħelsien il-Ħadd li ġej fil-Birgu.

Sadanittant waqt l-attività ta’ dalgħodu saret diskussjoni dwar il-ħelsien ekonomiku ta’ pajjiżna, bil-parteċipazzjoni tal-Ministri Clyde Caruana u Silvio Schembri u d-deputat Laburista, Cressida Galea.

Il-Ministru Caruana saħaq dwar il-ħtieġa li l-Gvern jibqa’ għaqli fit-tmexxija tal-finanzi ta’ pajjiżna sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jitwettqu aktar miżuri b’risq il-familji Maltin u Għawdxin.  Il-Ministru Schembri spjega kif taħt Gvern Laburista, l-ekonomija ta’ pajjiżna pproduċiet mat-€23 biljun, kontra s-€7 biljun li kienet tipproduċi fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti.  Id-deputat Laburista, Cressida Galea tkellmet dwar ir-reżiljenza ekonomija ta’ pajjiżna grazzi għad-deċiżjonijiet għaqlin u f’waqthom li ħa Gvern Laburista.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport