Friday, December 13, 2024

“Bil-kura primarja ngħinu biex niffaċilitaw il-ħajja tan-nies”

Tgħid dan Roseanne Camilleri, rebbieħa Premju Ħaddiem tas-Sena 2021

Aqra wkoll

“Aħna kommessi sabiex bħala kura primarja nkomplu ngħinu billi niffaċilitaw il-ħajja tan-nies u dan il-kunċett se se nkompluħ anke fis-snin li ġejjin, anzi nippruvaw dejjem intejbuh aktar.”

Hekk stqarret Roseanne Camilleri rebbieħa tal-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena. Camilleri hi l-Kap Eżekuttiv tal-Kura tas-Saħħa Primarja u ġiet rikonoxxuta għall-ħidma siewja li wettqet matul is-sena 2021.

Bit-tema magħżula tkun ‘Nirrikonoxxu s-Sehem tal-Ħaddiema Tagħna’ f’din is-serata annwali tal-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2021, ġew onorati sitt persuni, tliet organizzazzjonijiet u tim ta’ ħaddiema.

Din l-attività ġiet organizzata mill-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta.

Il-President ta’ Malta George Vella f’diskors li għamel esprima l-apprezzament tiegħu għall-fatt li l-premijiet qed jagħtu attenzjoni għall-individwi li permezz tax-xogħol tagħhom kienu strumentali fil-mixja favur aktar sostenibilità u soċjetà inklussiva speċjalment matul is-sena 2021 li waslet biex tintemm. 

Dr Vella nnota l-ħtieġa li d-drittijiet tal-ħaddiema, anki waqt pandemija, ma jkunux mittiefsa.

Huwa faħħar l-impenn tal-Maltin u l-Għawdxin u qal li nistgħu nkunu kburin li minkejja l-isfidi kollha, pajjiżna xorta baqa’ jħares ’il quddiem u baqa’ jinvesti fl-iktar riżorsa fundamentali u għażiża għalih, ir-riżorsa umana.

Talk.mt ħadet ħsieb li tieħu l-ewwel kummenti mingħand Camilleri li dehret ferm sorpriża li rebħet dan l-unur tant prestiġġjuż.

“Onestament ma kontx qed nistenna li nkun parti mill-kontestanti għal dan l-unur. Meta rċevejt l-invit tan-nominazzjoni bqajt mistagħġba. Hija sorpriża kbira iżda sabiħa għalkemm xorta nemmen li kull ħaddiem li jaħdem f’pajjiżna hu validu għax jagħti sehem siewi fl-iżvilupp tas-soċjeta’.”

“Għalija l-premju ħaddiem tas-sena huwa premju prestiġġjuż ħafna, huwa premju li jimmarka quċċata ta’ karriera fl-ambitu taċ-ċivil. Huwa premju li jimlini bil-kuraġġ biex inkomplu intejbu u nagħmlu inizzjattivi ġodda għall-benefiċċju, għall-ġid tal-poplu tagħna kollu.”

Roseanne Camilleri taħdem fil-kura tas-saħħa primarja, settur sensittiv ferm u tħares il-ħajja tal-individwi u tara kif se tagħmilielhom aħjar. Il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa primarja jieħu ħsieb sabiex inaqqsu nies li jkunu riferuti fl-Isptar Mater Dei. Preżentement hemm għaxar ċentri tas-saħħa li jinsabu joperaw f’pajjiżna b’numru ta’ tobba li jaqdu l-bżonnijiet tal-pazjenti.

Barra minn hekk, bħala servizz tal-kura primarja qed tissaħħaħ ferm l-idea ta’ kliniċi fil-komunita’, dawk li qabel kienu magħrufa bħala bereġ.

“Qed naħdmu sabiex dawn il-klinċi jkunu dejjem aktar modernizzati u li jaqbdu l-ħtiġijiet tal-lum il-ġurnata. L-għan tagħna hu dejjem li nagħmlu l-ħajja tal-persuni dejjem aktar faċli għax bħalma nafu min jiġi għandna forsi jkun għaddej minn mument xejn sabiħ u fejn xi kultant ikun vulnerabbli.”

“Huwa għalhekk li qed ninkludu wkoll xi servizzi oħra essenzjali fosthom il-fiżjoterapija, il-podjatrija fost l-oħrajn. Biddilna l-ħruġ tar-riċetti li issa qed jinħarġu b’mod elettroniku sabiex it-tabib ikollu aktar ħin jara lill-pazjent. Barra minn hekk, illum għandu ċ-ċans imur fejn irid minħabba l-ispiżerija tal-għażla tiegħu.Anke l-infermiera qed ikollhom rwol importanti f’dawn il-kliniċi fil-komunita’ minħabba li qed jindokraw il-pazjenti bl-aħjar mod possibbli filwaqt li jagħmlu xi testijiet bħal dawk taz-zokkor fost l-oħrajn.”

Camilleri tgħidilna li l-għaxar ċentri ta’ kura primarja inklużi wkoll il-kliniċi fil-komunita’ jkollhom madwar miljun pazjent fis-sena, xhieda li l-pubbliku jfittex ħafna dawn is-servizzi meta jkun fil-bżonn.

M’hemmx xi ngħidu, f’dawn l-aħħar sena u nofs il-kelma pandemija nstemgħet ħafna mill-ħaddiema tal-kura primarja u tal-isptarijiet minn tobba, infermiera u ħaddiema oħra li jaħdmu f’dan il-qasam. Camilleri taqbel ma’ din id-dikjarazzjoni anzi żiedet tgħid li dan hu żmien ta’ sfida kbira għal kull min hu involut fis-settur tas-saħħa f’pajjiżna. Hi saħqet li ħolqu tim ta’ nies sabiex ikunu ppreparati għal kull eventwalita’. Hawnhekk hi nkludiet it-testing hubs fejn il-pubbliku jmur sabiex isirlu swab test biex jiġi ddeterminat jekk hux pożittiv jew negattiv għall-COVID-19. 

Ma’ dan wieħed irid iżid ukoll il-vaċċini li bdew jingħataw lill-pubbliku partikolarment matul din is-sena fejn ingħataw numru ta’ dożi bis-servizz li baqa’ wieħed konstanti tant li issa waslu wkoll sabiex jingħata l-booster.

Il-kampanja tad-dipartiment tas-saħħa kienet waħda bla heda fejn ma’ dawn wieħed ried iżid ukoll il-vaċċin kontra l-influwenza li bħal kull sena kien hemm konkorrenza kbira għalih.

“Minkejja dawn l-isfidi kollha, aħna ma qtajniex qalbna u komplejna naħdmu sabiex is-servizz ikun dejjem tal-ogħla kwalita’. Nista’ nikkonferma wkoll li matul din is-sena rċevejna madwar 200,000 telefonata u dan mhux numru żgħir. Madankollu xammarna l-kmiem kollha flimkien u ħdimna fuq li ħdimna sabiex inkunu ppreparati għal din l-isfida.”

Roseanne Camilleri tiddedika dan il-premju lit-tim kollu tad-dipartiment tal-kura primarja għax għalkemm hi tidher fir-rwol ta’ kap eżekuttiv, hemm diversi nies li qed jagħtu kontribut siewi minn wara l-kwinti.

Saqsejna lil Camilleri dwar kemm ix-xogħol, hu x’inhu, jagħti d-dinjita’ lill-persuna. Hi kkonfermat dan kollu għax mingħajr ix-xogħol, il-bniedem ikun mitluf u forsi ma jkollux skop partikolari f’ħajtu. Hi tgħid li l-bniedem maħluq sabiex jgħin lill-proxxmu u din hi xi ħaġa sabiħa ferm. 

“Kif nafu min jiġi għandna żgur li jkun f’mument xi ftit vulnerabbli ta’ ħajtu. Aħna rridu ngħinu lill-pazjent f’dan iż-żmien għax dak hu xogħolna. Nemmen li jirnexxielna nagħmlu dan għax għandna ħaddiema dedikati, paċenzjużi u lesti biex jgħinu lil ħaddieħor.”

Iżda Roseanne Camilleri għandha xi delizzji partikolari? Hi weġbitna li meta jkollha ċans tħobb taqra ħafna għax tħoss li tirrilassa ħafna meta tagħmel dan. Barra minn hekk għandha wkoll imħabba għat-tisjir għalkemm tistqarr li mhux dejjem issib ċans fil-kċina. Barra minn hekk hi tħobb ħafna l-isports speċjalment l-atletika filwaqt li titqarr li minħabba r-raġel tagħha u binha saret tifhem ukoll fil-futbol minħabba li fid-dar dan is-suġġett hu wieħed preżenti ferm.

Fl-aħħarnett xtaqna lil Camilleri tagħti l-aħħar messaġġ tagħha lil dawk il-ħaddiema partikolarment fil-qasam tas-saħħa sabiex dejjem ikunu ta’ spalla għall-pazjenti.

“Nibda billi nirringrazzja lill-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne tal-fiduċja fija u lit-tim kollu tal-kura primarja u dak tal-qasam tas-saħħa li jaħdmu bla heda speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida li qed iġġib magħha l-pandemija tal-COVID-19. Hu fatt magħruf li bħalissa għaddejjin minn turbulenza kbira anke minħabba n-numri għoljin li qed jerġa’ jkollna għalkemm xorta waħda żammejna l-pass u nkomplu norganizzaw rwieħna għal dak li jista’ jinqala’.”

“Fl-aħħarnett ma nistax inħalli barra lill-familja tiegħi speċjalment ir-raġel u t-tifel li jgħinuni ħafna u jkunu ta’ sapport għalija meta tqis li nqatta’ ħin twil fil-post tax-xogħol.”

“Aħna kommessi sabiex bħala kura primarja nkomplu ngħinu sabiex niffaċilitaw il-ħajja tan-nies u dan il-kunċett se jibqa’ sejjer anke fis-snin li ġejjin, anzi nippruvaw dejjem intejbuh.”

Ekonomija

Sport