Sunday, December 22, 2024

“Bil-lejl tant jheżżeż snienu li l-għada jqum bl-uġigħ” – Il-psikjatra Mark Xuereb

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Studju mill-Italja juri li madwar 45% tal-popolazzjoni Ewropea hija f’riskju akbar li tbati minn dipressjoni, ansjetà u ħsibijiet suwiċida meta jkun hemm instabbiltà ekonomika. Minħabba l-kriżi li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19 u sfidi ekonomiċi oħra, għadd ta’ negozjanti lokali huma mħassba b’uħud minnhom jidħlu fi kriżi serja.

Proprju rigward dan il-psikjatra Mark Xuereb, li jmexxi l-Crisis Resolution Malta, permezz ta’ dan is-sit iħeġġeġ lin-nies ifittxu l-għajnuna u biex ningħaqdu flimkien ħalli nsibu niċeċ għal opportunitajiet ekonomiċi ġodda u nibdlu din il-kriżi f’opportunità.

Dr Mark Xuereb

“Jaħdem esaġeratament, m’huwiex jorqod u jiekol tajjeb, beda jbati minn migranja qawwija, għandu wġigħ kbir fi snienu għax bil-lejl jheżżiżhom u beda anke jbati minn irritazzjoni fi griżmejh. Dan minħabba iritazzjoni mill-aċidu li nġemagħlu fl-istonku u telagħlu ‘l fuq.” Dawn huma wħud mis-sintomi li qiegħed ibati minnhom pazjent u ħabib ta’ Dr Mark Xuereb li wara snin ta’ negozju ta’ suċċess spiċċa b’ansjetà kbira minħabba l-isfidi ekonomiċi li qiegħed jiffaċċja pajjiżna minħabba l-Covid-19.

Il-psikjatra tkellem dwar kollega li għall-finijiet ta’ anonimità ngħata l-isem fittizju ta’ Adrian. Adrian huwa persuna li studja ħafna, kiseb kwalifiċi kbar minn universitajiet prestiġġjużi u dejjem kien ta’ karattru kunfidenti li kapaċi jsolvi l-problemi mingħajr tbatija. 

“Wieħed jisma’ fuq il-mezzi tax-xandir kif in-negozji qalgħu daqqa ta’ ħarta mhux ħażin minħabba l-pandemija. Fil-bidu ta’ dan is-sajf in-negozjanti bdew jaraw xaqq ta’ dawl iżda f’dawn l-aħħar ġranet ħadu xokk għax Malta bi sfortuna tniżżlet fil-lista l-ġriza. Dan ir-raġel għandu familja u 15-il impjegati bil-familji tagħhom xi jżomm, kif ukoll ħafna spejjeż oħra. Tistgħu timmaġinaw kif persuna ambizzjuża bħalu qiegħed iħossu inċert għall-futur,” sostna Dr Xuereb.

“Riċerka li turi li l-impatt ekonomiku jista’ jkollu impatt ħażin kemm mil-lat fiżiku, kif ukoll mil-lat psikoloġiku tal-bniedem” – Dr Mark Xuereb

“F’kull kriżi hemm opportunità”

Huwa qal li l-kontribut tiegħu huwa mil-lat psikoloġiku tas-sitwazzjoni. Sostna li żbalji dejjem isiru imma importanti li ma niġġeneralizzawx. Min-naħa tiegħu jemmen li l-poplu kollu, irrelevanti mill-kulur politiku tiegħu, jixtieq il-ġid, is-saħħa fiżika, psikoloġika, ekonomika u soċjali għall-Maltin u l-Għawdxin kollha. “Sfortunatament, kif dejjem jgħidu, ‘hemm bajd ħażin f’kull qoffa’ u din hija waħda mis-sitwazzjonijiet li qegħdin niffaċċjaw bħalissa. Bla ma niġġudikaw u nippontaw swaba’, din hija r-realtà li ninsabu fiha bħalissa,” spjega l-psikjatra.

Minkejja li din ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna kellha impatt qawwi fuq dan in-negozjant, familtu u l-familji tal-impjegati tiegħu, Dr Xuereb iddeskrivieh bħala persuna li ma tiġġudikax u li f’din is-sitwazzjoni qiegħed ipoġġi fuq il-mejda tad-diskussjoni biex jaraw kif se jżommu l-investituri barranin jibqgħu jiġu għandna.

B’ton pożittiv dan il-psikjatra qal li, “f’pajjiżna hemm inizjattivi u nemmen li f’kull kriżi hemm opportunità. M’inix ngħid li wieħed ma jweġġax jew ma jinkwetax, imma rridu nużaw din is-sitwazzjoni bħala opportunità. Il-Prim Ministru u l-Ministri kkonċernat diġà qegħdin jaraw kif bħala nazzjon nibdew inħabbtu bibien ġodda u nsibu opportunijiet li jgħinuna nkomplu għaddejjin”.

Il-Kap tal-Crisis Resolution Malta qasam magħna l-każ tal-ħabib negozjant tiegħu minħabba li bħalu hemm sidien ta’ kumpaniji oħra li qegħdin iħossuhom b’dan il-mod. Huwa qal li hemm ħafna riċerka li turi li l-impatt ekonomiku jista’ jkollu impatt ħażin kemm mil-lat fiżiku, kif ukoll mil-lat psikoloġiku tal-bniedem.

Biżgħa ta’ x’se jaqla’ l-baħar…

Studju minnhom, dak li kien ippubblikat xahrejn ilu mill-Professur Daniela Kodinic mill-Kroazja, tkellem dwar il-fenomenu ta’ intolleranza tal-inċertezza, fejn persuna fi ftit kliem, ma tkunx taf x’se jaqla’ l-baħar. Jingħad ukoll li din l-inċertezza għandha relazzjoni qawwija mal-inċertezza tal-impjieg u anke tal-identità soċjali. 

Adrian daħal fi kriżi tal-identità fejn beda jistaqsi lilu nnifsu, ‘jien min jien?’, ‘kif se niffaċċja lis-soċjetà?’. Dr Xuereb qal li hawnhekk naraw kif l-istress isir ansjetà u li dwar dan hemm ħafna riċerka.

“Il-Professur Kodinic fil-fatt tgħid li meta kien hemm problemi ekonomiċi kbar, fosthom ir-Riċessjoni l-Kbira u dik aktar riċenti fl-2008 (hawnhekk Malta kienet fortunata biżżejjed li bl-għaqal tal-Gvern konna skappajniha) kien hemm ħafna problemi serji tas-saħħa mentali fosthom dipressjoni u Post Trauma Stress Disorder (PTSD),” spjega l-kap tal-Crisis Team. 

Qal li f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida kien hemm min tilef l-impjieg u saħansitra bdew it-tendenzi suwiċida. “Li wieħed ineħħi ħajtu b’idejh huwa pass drastiku u bħala Crisis Team, għalkemm diffiċli, l-għan tagħna huwa li l-ewwel nippruvaw nipprevjenu dawn il-ħsibijiet”. 

L-istudji juru li hemm kawża diretta bejn l-impjieg u l-istat soċjali mal-istat psikoloġiku ta’ persuna. Jingħad li meta persuna tkun imdorrija li fis-snin ta’ qabel tagħmel ċertu qligħ, imbagħad dan id-dħul jonqos drastikament, tgħaddi minn inkwiet kbir u saħħitha tkun affettwata.

Dr Xuereb aċċenna għall-fatt li, “wieħed jista’ jifhem għala jiġrilhom hekk u dan mingħajr ma neskludu lil dawk li diġà jkollhom problemi oħra li kienu eżistenti qabel ma seħħu l-avvenimenti ekonomiċi negattivi”.

Barra minnhekk, il-psikjatra qal li dan l-impatt jinħass ukoll fuq il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa mentali u dan b’mod speċjali fuq dawk li jaħdmu fil-privat. Dan minħabba li anke huma jħossu t-theddida tat-telf tal-impjieg tagħhom meta jispiċċaw fl-uffiċċju bilqiegħda jistennew li jidħol xi klijent.  

“Studju mill-Assoċjazzjoni tal-Psikjatrija Mondjali tmur pass oltre meta tgħid li l-impatt psikoloġiku jinħass minn dawk li tilfu l-impjieg iżda l-istess impatt jinħass ftit aktar qawwi fuq dawk li kellhom ċertu dħul u dan naqsilhom drastikament bħal fil-każ ta’ Adrian,” kompla Dr Xuereb.

Ma nkabbrux l-inkwiet b’inkwiet ieħor…

Kumplikazzjoni oħra li tista’ sseħħ hija dik li twissi dwaru l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) – jiġifieri n-“negative coping behaviours” – meta persuna flok issolvi problema, iżżid oħra magħha – fosthom vizzji bħal l-alkoħol, id-droga u l-logħob tal-ażżard. Il-psikjatra qal li għandu jkun hemm policies apposta li jipprevjenu u jiċċekkjaw li ma jkunx hemm tendenzi għal tali atteġġjamenti bil-għan li, “ma nkabbrux il-problemi diġà eżistenti”.

Dr Xuereb wissa li lkoll kemm aħna vulnerabbli u li kollha nistgħu nintlaqtu minn kriżi. Qal li din m’hiex kwistjoni li tkun dgħajjef u li wieħed ifittex l-għajnuna, jirrikjedi kuraġġ. Sostna li llum il-ġurnata hemm fejn wieħed jitlob l-għajnuna u ħadd m’għandu joqgħod lura milli jagħmel dan. “Hija ħasra kbira meta togħsfor ħajja. Kulħadd jinsab f’din is-sitwazzjoni għalhekk tajjeb li naħdmu flimkien. Ejja niffrankaw ħafna wġigħ għax ladarba persuna tneħħi ħajjitha, ma nistgħux inġibuha lura u għaldaqstant ikun tard wisq,” wissa l-psikjatra.

Il-Kap tal-Crisis Resolution Malta filwaqt li b’umiltà u sodisfazzjon qal li fi 12-il sena kemm ilhom jagħtu servizz, salvaw 400 persuna, qal ukoll li kontra dak li kien maħsub, is-suwiċidju f’Malta fi żmien il-pandemija ma żdiedx. Sostna li huwa importanti li f’dan il-perjodu ta’ inċertezza ekonomika, il-pajjiż joffri opportunitajiet realistiċi u pożittivi biex inkunu nistgħu nirkupraw. 

“Irridu nkunu aħna li kapaċi nġibu negozji oħra u nsibu fergħat ġodda. Kif diġà għamel il-Gvern, hemm pjan ekonomiku u bih irridu nuru lill-bqija tad-dinja li ħaqqna l-fiduċja tagħhom. Nuru li aħna tajbin daqs kulħadd u li f’xi niċeċ partikolari, aħna nistgħu nkunu aħjar minn pajjiżi oħra. Sadanittant hemm bżonn li nieħdu ħsieb lil dawk li ġew affettwati b’mod negattiv mis-sitwazzjoni preżenti inkluż lil Adrian, il-familja tiegħu u l-impjegati kollha tal-ażjendi milquta,” temm Dr Mark Xuereb.

Il-Crisis Resolution Malta tistieden biex kull min jinsab fi kriżi jew jafu lil xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna tagħhom, iċemplu fuq 9933 9966 jew isibuhom fuq il-Facebook jew inkella jużaw il-Kriżi App.

Ekonomija

Sport