Tuesday, December 24, 2024

BIL-MALTI, TAPARSI

Jikteb l-Avukat Joe Brincat.

Aqra wkoll

L-Unjoni Ewropea se tibgħat uffiċjal għoli f’Malta li waħda mill-kwalifiki li kellu bżonn biex isir kien li jaf jifhem u jitkellem bil-Malti.

Il-Kummissarju nzerta mill-Latvja, u għalhekk kellu għażla diffiċli. Għax il-Kummissarju (ħalli jifhem kulħadd, ifisser  il-Ministru fl-Unjoni Ewropea) ma jitkellimx bil-Malti. U kellu jagħżel wieħed li jaf il-Malti.  Kif se jagħmel?  Povru Kummissarju! Għażel wieħed li jifhem l-istess ilsien tiegħu,  u hekk jiftiehem aħjar. Il-kundizzjoni li dan l-uffiċjal magħżul kellu jkun jaf il-Malti,  kienet biċ-ċajt. 

Mhux biss għażlu minn pajjiżiu, imma għażlu wkoll mill-istess partit tiegħu. Kieku dan kien x’imkien ieħor,  jgħidu li hu nepotiżmu. Li tfisser li taħseb għal xawwatek jgħid il-Malti.  

Mhux eżempju tajjeb mill-Unjoni Ewropea, li tippriedka ħafna fuq il-korrettezza,  imma mbagħad tidneb u bil-goff.  

Ma hemmx għalfejn wieħed imur lura sa Jacques Santer għall-eżempji, li kellhom jirriżenjaw kollha minħabba l-korruzzjoni li kien hemm fil-kummissjoni. Ma waqfitx hemm l-istorja.  Verheugen, dak li kien jiġi hawn jordnalna, lil ġbintu għollihom minn tarġa għall-oħra, u laħħaqhom fil-għoli fost l-impjegati. Kulħadd kien jaf x’mertu kellha din l-impjegata u kemm kienet taqdi … lill-kummissjoni u għalhekk liċ-ċittadini  tal-Ewropa li jħallsu.

Bħala pajjiż għandna nosservaw il-Kostituzzjoni tagħna,  rikonoxxuta mill-Unjoni Ewropea u mill-Qorti tal-Ġustizzja.  Il-Malti huwa l-ilsien,  jekk nafu nitkellmu u nifhmu ilsna oħra, aħjar, imma dejjem jibqa’ l-Malti l-ilsien li jagħżilna minn oħrajn.

Nittama li ma noqgħodux ċiċċi kwieti ħalli jagħtuna santa!  U tgħaddi tagħhom u ma jimpurtax?

TAGĦTI KONT.

Naqra kummenti u artikli fejn ikun hemm mistoqsijiet dwar affarijiet f’ministeru, jew dipartiment,  li jeħtieġu tweġiba.    Ikun hemm insistenza u repetizzjoni tal-insistenza ħalli din l-informazzjoni tingħata. 

Ikun hemm min jgħid, “mhux affari tagħhom!  B’liema dritt ikunu jafu?”  

Id-dritt mhux tal-ġurnalisti biss,  imma tiegħi u tiegħek ukoll.   Jekk jien nara li xi ħadd qed ikaxkar riġlejh biex jikxef il-karti,  basta mhux kwestjoni ta’ sigurtà nazzjonali, jew informazzjoni personali, ma niħux gost.   Ma togħġobnix.   Bosta drabi dawk il-mistoqsijiet isiru wara li jkun hemm xi ċittadin li jwassal l-informazzjoni u allura tibda l-istorja.

Kif nista’ jien niddefendi lil xi ħadd bil-kitba jew bil-kelma tiegħi,  jekk l-anqas jien ma jkolli l-informazzjoni.   Ħabib tiegħi, l-Avukat Chris Cilia kiteb fuq facebook li jaf li bandli f’raħal ġew jiswew €15,000  u f’raħal ieħor (mhux indurati bid-deheb)  ġew jiswew €200,000.   Xi ħadd għandu jagħti spjegazzjoni.  

Min jaħseb li n-nies jinsew,  għandu żball.  Tistkanta kemm jiftakru u jfakkru,  espressjonijiet li jkunu ħarġu mill-fomm, żmien ilu.   U jkun hemm min jiddarras,  meta jkun hemm rakkonti u stejjer li aħjar wieħed jweġibhom mal-ewwel u bla tlaqliq jew tidwir.

Min għandu jedd għal din l-informazzjoni?  Huma ċ-ċittadini li jkunu tellgħu lill-membri tal-parlament,  u fosthom ikun hemm min sar Ministru.  Meta nitkellmu fuq “accountability”  tfisser li dak li jkun irid jagħti kont ta’ kif mexa,  kif nefaq u għala nefaq.  Il-kelma mill-Ingliż qalbuha għall-Malti f’mod stramb” akkontabilità” meta għandna l-esprezzjoni “tagħti kont”.

Kull uffiċjal pubbliku,  u hawn ifisser ukoll dawk kollha li huma f’xi awtorità pubblika, kumpanija, aġenzija eċċ eċċ eċċ tal-gvern,  għandhom obbligu li juru li huma prokuraturi taċ-ċittadini u għandhom jagħtu rendikont liċ-ċittadini,  huma ta’ liema lewn politiku huma.  Kieku qed jonfqu u jħallsu xi ħaġa minn buthom,  hemm affari tagħhom,  imma fejn jidħlu l-interessi tal-poplu,  hemm qed jamministraw u mhux dak li ħallilhom in-nannu fil-wirt.

Jekk min qed jamministra,  anke jekk ikun f’każin tal-banda, jiġi jaqa’ u jqum mill-mistoqsijiet tal-membri,  hemm ikun qed juri arroganza, u jistieden li mal-ewwel laqgħa ġenerali jqaċċtuh.  

L-arroganza ġġibek tara n-nies dubbien,  u d-dubbien idur għalik

Ekonomija

Sport