Wednesday, March 27, 2024

“Bil-moħriet f’idejja ninsa l-uġigħ kollu” – Joe ż-Żigli

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Għandi 73 sena u ilni nagħmel dan ix-xogħol mindu kelli 10 snin. Kont inkun man-nannu u ma’ missieri. Kif in-nannu kien iqabbad daqsxejn il-pipa kont taparsi nsuqlu ftit jien.

Li narma ftit il-bagħal huwa żvog u għalija bix-xogħol tal-idejn; għax aħna din l-għodda hekk ngħidulha, tgħidli xejn ix-xogħol ħa jiġi aħjar. Saħħti m’għadhiex li kienet u bl-għajnuna tat-tfal issa nagħmel daqsxejn patata u daqsxejn basal u xi affarijiet għall-familja.

Il-bagħal issa bħali anzjan allura ma nistenniex minnu aktar milli jiflaħ. Nieħu ħsiebu biex jieħu ħsiebi. Qabel nibda nagħlfu u nara li jkun jiflaħ jaħdem. Imbagħad sakemm joqgħod jixtarr dik in-nofs siegħa, jien immur nieħu bela’ te bil-kwiet. Wara mmur naqbad il-kappestru u naqbdu biex nibdew. Nixħetlu l-kawora u l-berda biex hu jkun komdu minkejja l-piż tal-moħriet. Is-sarima importanti fil-ħidma tal-bidwi għax il-bagħal hu u jaħdem malajr ixomm xi ftit aħdar u taqagħlu żaqqu. Kif jipprova jieqaf biex jiekol, bis-sarima jinduna li ma jistax u għalhekk ikompli jaħdem għax jaf li biex imissu xi ħaġa oħra jkun jeħtieġ li l-ewwel nillestu dik id-daqsxejn ħidma li nkun pjanajt.

Ħasra kbira li dawn l-attrazzjonijet qegħdin jinqatgħu. Ħaż-Żabbar dan huwa l-uniku bagħal li baqa’. Mill-banda l-oħra ma nagħtix tort liż-żgħażagħ tal-lum ta’ għax biex jaqilgħu lira bir-raba’ llum hawn skemi ta’ għajnuna biex jinvestu f’makkinarju li jgħinhom biex iżidu l-produzzjoni u jnaqqsu t-tbatija. Ħeqq illum il-ħin sar flus u impossibbli li l-bdiewa jaħdmu b’dan il-metodu jekk iridu jgħixu minn dan ix-xogħol. Imma xorta jibqa’ l-fatt li dan il-metodu jibqa’ jiġbed l-għajn. Inkunu qed naħdmu xi ftit raba’ mhux l-ewwel darba li jieqfu jieħdu xi ritratti mit-triq għax is-sabiħ kulħadd jaf jarah… it-tbatija li batejna qabel dik xi ħaġa oħra.

Tfal kont ukoll u l-praspar kont nikolhom ukoll. Meta konna niżirgħu t-tewm man-nannu ta’ tfal li konna konna; kemm biex ngħaġġlu u fl-istess ħin ma nbatux milwijin, konna niżirugħ ponn ponn. In-nannu kien jgħidilna kif diġà spiċċa u ma ninsa qatt r-rabja fuq wiċċu meta kien jinbet kollox f’xulxin, imma kif jarana nidħku malajr kien idawwar il-buri u jkompli magħna.”

Ekonomija

Sport