Friday, September 12, 2025

‘Bil-paċenzja plejer irid jagħti ċ-ċans lilu nnifsu jiżviluppa u meta jiġih iċ-ċans tal-prova jagħmel ħiltu kollha bla ebda daqq ta’ trombi’ – Brady Stivala

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Sa minn ċkuniti trabbejt f’ambjent ta’ ‘street football’, fejn konna niltaqgħu ħbieb u ġirien u nilagħbu l-ballun minn wara l-iskola sa ma jidlam. Il-logħob kollu li konna nilagħbu kien relatat mal-futbol bħal Subbuteo, ngħaqdu l-albums tal-Calciatori u nsewgu ħafna t-Tazza tad-Dinja u l-Kampjonati Ewropej. Kienet diffiċli li tifel ma jiġix iħobb il-futbol awtomatikament. Apparti hekk meta tfarfart kont nippratika l-futbol ma’ klabb fil-lokalitá fejn trabbejt.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Kowċ fl-Akkademja ta’ Pietà Hotspurs FC.

Mal-klabb ta’ Pietá Hotspurs bdejt bħala assistant coach mal-U9 fl-istaġun 2024/2025 u kienet esperjenza sabiħa mmens. Għalkemm bdejt il-kowċing fl-2010, esperjenza ma’ klabb bħall-Pietá kienet l-ewwel darba.

Dan l-istaġun ġejt fdat l-istess grupp li llum tela’ U10 flimkien ma’ żewġ kowċis oħra jassistuni. Bħala tim tekniku, Pietá llum għandna set-up fejn il-ġenituri jistgħu jibgħatu lil uliedhom għat-taħriġ u l-logħob b’moħħhom mistrieħ. Set-up kompost minn nies kapaċi ħafna u li għandhom background u esperjenza kbira fil-logħba tal-futbol. Kull kowċ ghandu back-up u sapport kbir meta wieħed għandu bzonn jaqsam xi ħsibijiet, titjib u kif wieħed għandu japplika l-eżerċizzji biex l-għan aħħari jiġi milħuq.

Huwa fatt maghruf li t tim tal-kbar ta’ Pietà Hotspurs FC qed jutilizza numru ta’ plejers prodotti tan-Nursery. X’taħseb li huwa s-sigriet rigward dan is-suċċess?

Nemmen li bħala klabb jagħti ċ-ċans lill-individwi jiżviluppaw mhux biss fi plejers imma wkoll bħala atleti. B’ħafna paċenzja u ħidma, it-tim tekniku ta’ Pietá Hotspurs FC irnexxielu dejjem itella’ żgħażagħ promettenti u b’talent mill-aqwa li hawn f’pajjiżna. Huwa fatt li l-klabb ta’ Pietá jagħti ħafna cans lill-plejers żgħażagħ mat-tim tal-kbar li bihom dejjem ġab riżultati tajbin, speċjalment meta wieħed jikkumpara li l-plejers żgħażagħ ta’ Pietá jikkompetu ma’ timijiet fiċ-Challenge league li jkollhom plejers barranin ta’ kwalitá.

Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?

Il-grassroots f’pajjiżna żviluppa ħafna peró nemmen li jeżistu ħafna klabbs u l-infrastruttura hija limitata. Kull klabb qed jagħmel xogħol tajjeb kemm min-naħa amministrattiva kif ukoll min-naha teknika? Dik hija mistoqsija li wieħed irid janalizza bis-sħiħ. Nemmen li l-klabbs iridu jonqsu u xi wħud forsi jamalgamaw flimkien. 

U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-logħba tal-futbol hija logħba li dejjem tevolvi. M’għandi l-ebda dubju li żvilupp sar. Għandna kowċis tajbin ħafna u Malta hawn fejn kowċ jista’ jitgħallem, kemm mal-klabb li jkun kif ukoll mill-korsijiet diversi li tipprovdi l-MFA.

Għalkemm mhux kull pitch huwa perfett, hawn ħafna faċilitajiet fejn it-tfal jistgħu jitħarrġu. Jekk hux biżżejjed il-pitches li hawn f’pajjiżna, hija storja oħra!

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Jiena bħala kowċ nieħu gost mmur nsegwi lit-timijiet kompetittivi jilagħbu. Bħala missier, inħobb nieħu liż-żewġ uliedi (it-tnejn l-huma jipprattikaw il-futbol) jaraw il-logħob kompetittiv għax nemmen li xi ħaġa jitgħallmu billi jaraw u jistaqsu. Ħafna mil-logħob li nzertajt kienu ntlagħbu fil-grawnds ta’ Ħad-Dingli, Mosta u s-Centenary Stadium. Nemmen li huma grawnds diċenti. Suġġeriment li forsi nagħti huwa li wieħed jagħmel ftit studju tat-tip ta’ dwal li jitwaħħlu għax ħafna mill-grawnds huma mudlama wara nżul iz-xemx u forsi jagħmlu Risk Assessment għal xi perikli li jista’ jkun hemm mal-madwar, bħall-fencing, lasti żgħar li jintużaw minn nurseries mal-ġenb, aċċess għal ambulanzi f’każ ta’ bżonn, seating area eċċ.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jiena bniedem li nidħol għall-affarijiet b’mod organizzat ħafna u nipprova nitgħallem mingħand kull individwu. Fil-kowċing fadalli ħafna x’nitgħallem. Dejjem inżomm f’moħħi li taf kemm taf qatt mhu biżżejjed. Inżomm saqajja mal-art u bil-galbu naslu. Nemmen li fadalli ħafna x’noffri lil tfal differenti bil-mod tiegħi flimkien ma’ sħabi. Dejjem nirringrazzja lill-klabbs li lilna l-kowċis jagħtuna ċ-ċans li nesprimu l-ħiliet tagħna b’mod differenti u fl-istess ħin jagħtuna ċ-ċans li nikbru fil-logħba tal-ballun u nitgħallmu.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Messaġġ li ngħaddi liż-żgħażagħ huwa li bil-paċenzja plejer/atleta jrid jagħti ċ-ċans lilu nnifsu jiżviluppa u meta jiġih iċ-ċans tal-prova jagħmel ħiltu kollha bla ebda daqq ta’ trombi!

Waħda mill-frażijiet li nħobb inżomm ġo moħħi u naqsam ma’ ħaddiehor hija: “work hard in silence, let your success be the noise!” 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport