Wednesday, September 24, 2025

‘Bil-prattika kulħadd jirnexxielu jasal jekk jemmen fih innifsu’ – Holly Farrugia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-OCR? 

Minn mindu kont żgħira kont nipprattika l-ġinnastika iżda meta kbirt indunajt li l-ġimnastika ma baqgħetx tagħtini l-istess sodisfazzjon u motivazzjoni ta’ qabel. Bdejt inħoss li kont sempliċement qed nagħmilha għax kelli, mhux għax ridt. Meta waqaft, ommi riditni nipprattika xi tip ta’ sport għax dejjem emmnet li l-eżercizzju huwa tajjeb għall-ġisem u anke għall-moħħ. Meta kont qed inqalleb fuq il-media socjali rajt ir-reklam tal-OCR u sibt sfida ġdida li kont ħerqana biex nipprova.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq is-suċċess li ksibtu bħala Team Malta fl-Iżvezja fil-jiem li għaddew?

Naħseb li s-suċċess miksub minn Team Malta fl-Izvezja jirrifletti l-ħidma kontinwa tal-atleti u għalkemm huma għadhom żgħar, affaċċjaw din l-isfida u ksibu riżultati tajbin li jitfgħu lil Malta fuq quddiem f’dan l-isport. Jien inħossni onorata li nittrenja ma’ dawn l-atleti li jeċċellaw f’dan l-isport  u jħeġġuni biex inkompli naħdem biex nilħaq il-potenzjal tiegħi.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Ivan Gauci?

Mill-ewwel ġurnata li ltqajt mal-Kowċ Ivan Gauci, ġiegħlni jħossni milqugħa fl-akkademja tal-OCA. Huwa kowċ b’esperjenza kbira u għarfien  profond f’dan l-isport. Hu jemmen ħafna fija u jinkoraġġieni biex nilħaq u noħroġ il-potenzjali kollu tiegħi. Għalkemm huwa kowċ dixxiplinat, dejjem ikollu xi ċajta lesta. Grazzi għall-mod organizzat tiegħu, kull sessjoni tkun produttiva u strutturata. Barra minn hekk, il-kreattività tiegħu toħloq ambjent fejn nitgħallmu mhux biss tekniki, iżda ukoll kif nikkonfrontaw l-isfidi b’mentalità pożittiva. Hu jittrata lil atleti bħala t-tfal tiegħu u kollha jħossuna parti mill-familja.  

Kif tqis il-livell tal-OCR f’pajjiżna?

Għalkemm l-OCR huwa sport mhux daqshekk magħruf, l-atleti li jipprattikaw l-OCR qed jibnu u jizvillupaw dan l-isport biex jkun ta’ livell għoli. Bir- rizultati tajbien kemm fil-kompetiizjonijiet lokali kif ukoll internazzjonali, dawn il-passi jgħinu lill-isport jirċievi l-għarfien li ħaqqu. Ħafna mill-kompetizzjonijiet jinkludu ostakli bħal ġiri, tlugħ tal-ħitan, sforzi fiżiċi intenzivi u għawm li kienu addattati għal kull livell ta’ diffikultá. 

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Obstacle Course Academy (OCA) hija akkademija fejn aħna nitħarrġu l-OCR bħala atleti u kontiwament qed isir titjib biex itejbu r-riżorsi biex ikollna taħriġ professjonali. Għalkemm isiru diversi kompetizzjonijiet, naħseb hawn post fejn dan l-isport jista’ jikber permanenti, billi nkabbru l-areni tagħna kif ukoll madwar Malta kollha. Għandu wkoll jinħoloq iktar għarfien fl-iskejjel dwar l-OCR, biex aktar żgħażagħ jitħajru u jsibu passjoni li ma jaħsbux li kellhom.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-OCR?

Jien inħossni ottimista li ħa nkompli dan l-isport b’imħabba, passjoni u dedikazzjoni biex nilħaq livell ogħla u jirnexxili f’ għan tiegħi li jkunu parti mit-tim nazzjonali Malti u nirrapreżenta lil pajjiżi. 

Għaddi messaġġ finali lil kull min jixtieq jibda jipprattika l-OCR.

Messaġġ li nixtieq ngħaddi għal min jixtieq jibda jipprattika l-OCR huwa li dan huwa sport sabiħ … mhux biss jgħinek tkun b’ saħħtek fizikalment izda ukoll huwa sport li jgħinek issir taf lilek u tiskopri kwalitajiet li ma tkunx taf li jkollok bħall-kuraġġ, determinazzjoni u perseveranza. Nirrakkomanda bis-sħiħ dan l-isport għal kulhadd, anke dawk li jaħsbu li mhumiex kapaċi, għax bil-prattika kulħadd jirnexxielu jasal jekk jemmen fih innifsu! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport