Saturday, December 21, 2024

‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja’… programm bil-għan li jqanqal l-imħabba għall-qari u l-kitba permezz tal-futbol

Aqra wkoll

L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni. l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Inovazzjoni għadha kif qassmet iċ-ċertifikati lill-parteċipanti tal-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja’, .

Dan il-programm huwa mfassal apposta għat-tfal li jħobbu l-futbol u li qegħdin fir-raba’ u l-ħames sena fl-iskejjel primarji tal-Gvern, u fl-iskejjel medji, li għalkemm ikollhom livell tajjeb ta’ qari, ma jqisux il-qari bħala l-aktar passatemp favorit tagħhom.

“Dan huwa eżempju tajjeb ta’ mod ideali kif tgħallem permezz tal-isport, billi tgħaqqad flimkien żewġ aspetti importanti li jgħinu lit-tfal biex jiżviluppaw u jżidu l-għarfien tagħhom li jagħmlu xi ħaġa li jħobbu. Dan il-Gvern se jibqa’ jaħdem lejn modijiet ta’ tagħlim innovattivi għall-futur mill-aqwa tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin”, qal il-Ministru Clifton Grima, li ppresieda ċ-ċerimonja fis-Cetenary Stadium f’Ta’Qali.

Biex il-programm jibqa’ marbut mat-tema, it-tfal jiltaqgħu fi dressing room li hija attrezzata b’librerija b’għażla ta’ kotba bil-Malti u bl-Ingliż relatati mal-futbol. L-Aġenzija tqassam riżorsi marbuta mal-futbol f’kull sessjoni biex it-tfal ikomplu jaqraw u jitgħallmu mid-dar ukoll.

David Muscat, qal, “Il-filosofija tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu hija li meta t-tfal jieħdu gost jagħmlu xi ħaġa, jitgħallmu u jirnexxu aktar.” Huwa qal li b’kollox ħadu sehem 80 student f’dan iċ-ċiklu u mill-2017 s’issa, ipparteċipaw 572 student f’dan il-programm.

Dan il-programm ilu għaddej minn April 2017 u tnieda mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bl-appoġġ sħiħ tal-Malta Football Association u Sport Malta u jitmexxa minn promoturi tal-litteriżmu u promoturi tal-isport (ex plejers tal-futbol tat-tim nazzjonali Malti).

L-Aġenzija toffri żewġ verżjonijiet tal-programm ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja’, programm għal tfal tar-raba’ jew il-ħames sena u ieħor għal studenti li jattendu l-iskola medja. Bejn Jannar u Mejju 2022, l-Aġenzija organizzat it-tmien ċiklu tal-programm ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja’. Dan il-programm iħalli impatt pożittiv fuq il-ħila tal-qari tal-parteċipanti, u b’85% tagħhom jgħollu l-livell tal-qari.

Ekonomija

Sport