Sfortunatament għad hawn min fostna li hu maħkum mill-mikrobu tal-vandaliżmu. Għalkemm ma tantx għadna nisimgħu bihom ta’ sikwit, atti vandali għadhom iseħħu u partikolarment xi wħud minnhom jolqtu fil-laħam tal-infrastruttura pubblika.
Xhieda ta’ dan hija l-informazzjoni li ngħatat ftit tal-jiem ilu mill-Ministru Miriam Dalli li fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari tad-Deputata Laburista Amanda Spiteri Grech, semmiet il-vandaliżmu li tiltaqa’ miegħu l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, illi kieku ma tteħditx azzjoni immedjata l-konsegwenzi jkunu ferm u ferm agħar.
Fost il-każijiet li l-aktar li jissemmew hemm l-abbużi mis-sistema tad-drenaġġ. Dawn is-sitwazzjonijiet jirriżultaw minn rimi ta’ materjal ipprojbit, jikkaġunaw sadd fis-sistema li sussegwentement iwasslu għal żbroff ta’ drenaġġ. Fost il-każijiet li seħħew riċentament hemm il-Bajja ta’ San f’Birżebbuġa meta ħaddiema min-naħa tal-Korporazzjoni sabu ħarqa mgeżwra ġo xugaman li kkawżat l-imblokk u sussegwentement żbroff. Kien hemm ukoll il-każ ta’ Triq San Luqa f’Buġibba fejn instabet biċċa njama mdeffsa fil-pajpijiet li kawża tagħha weħlu ammont ta’ wipes magħha li rriżultat fi mblokk ukoll. Barra minn hekk, fir-roundabout tal-Kappara kien hemm ġebla mdeffsa fil-pajpijiet li kkawżat imblokk li wassal għal żbroff tad-drenaġġ.
Każi bħal dawn mhux biss joħolqu inkonvenjent kbir għall-pubbliku imma jikkawżaw spejjeż żejda u bla bżonn lill-awtoritajiet konċernati. Dan apparti li tinħoloq kritika politika inġusta dwar is-sistema tad-drenaġġ f’pajjiżna, l-aktar fis-sajf meta xi bajjiet jitniġġsu mid-drenaġġ li jiżbroffa fihom.
Għalhekk il-ħarsien tan-network tad-drenaġġ huwa minnu nnifsu importanti mhux biss għall-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma iżda għall-pajjiż kollu biex tiġi dejjem imħarsa l-iġjene kif ukoll biex il-poplu jkun moqdi bl-aħjar mod possibbli.
Ta’ min jgħid li fl-aħħar tliet snin, bejn l-2023 u l-2025, in-numru ta’ tali każijiet li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ltaqgħet magħhom u ħadmet qatigħ biex ġew solvuti kien jaqbeż l-4,500 każ.
Għalhekk, kif qalet il-Ministru Miriam Dalli huwa mistenni li kull residenza f’Malta ssegwi l-Leġiżlazzjoni Maltija li titratta rimi fis-sistema tad-drenaġġ. Il-ħarsien ta’ dawn ir-regolamenti għandu jkun ukoll fuq ir-rimi ta’ skart illegali u skart ieħor domestiku li jinħareġ mhux fil-ġranet ta’ meta suppost jinġabar.



