Tuesday, November 18, 2025

BILJUN EWRO INVESTITI FL-AMBJENT

Aqra wkoll

Meta kien qed jieħu sehem fil-programm XRay fuq ONE mmexxi minn Dr Amanda Spiteri Grech, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar dak li sejjaħ bħala l-ikbar investiment ambjentali ta’ kull żmien li għamel il-Prim Ministru Robert Abela. 

Dr Muscat qal li meta b’għażla kuraġġuża, il-Prim Ministru neħħa għal dejjem mis-suq tal-iżvilupp, lil Manoel Island u l-White Rocks, biex isiru parks nazzjonali, irrinunzja għal biljun ewro ta’ siewi ekonomiku għall-ġid tal-ambjent.

“Il-pajjiż illum huwa sinjur biżżejjed illi jista’ jwarrab biljun ewro biex minflok, jinvestihom fi spazji miftuħa u l-gvern għandu jfiehem dawn l-affarijiet u jispjega kemm jiswew id-deċiżjonijiet li jieħu għaliex ma kien hawn ebda Gvern Malti li ħa deċiżjoni bħal din,” qal l-eks Prim Ministru.

Sadanittant, Dr Muscat saħaq li jekk tidħol fis-seħħ il-proposta tal-4 day week, pajjiżna jkollu bżonn mill-inqas 50,000 ħaddiem barrani ieħor li jkomplu jiżdiedu kull sena. Fil-ħames ġurnata, il-fabbriki u l-ħwienet mhumiex se jagħlqu u tal-linja jridu jkomplu jaħdmu fost oħrajn. Il-ħames ġurnata tax-xogħol xi ħadd se jkun irid jagħmilha. 

Dr Muscat qal li l-proposta tal-4 day week taf instemgħet tajba għal widnejn uħud, iżda wieħed ma jistax jieħdu biss parti mill-istampa. Irridu naraw l-istampa kollha. Saħaq li l-PN jitkellem kontra l-ħaddiema barranin imma mbagħad ħareġ b’din il-proposta. L-eks Prim Ministru qal li l-Kap tal-PN Alex Borg għandu jgħid jekk isir Prim Ministru, kemm se jkeċċi barranin.

Qal li minn mistoqsija parlamentari li saret dan l-aħħar irriżulta li l-ħaddiema barranin fl-aħħar 10 snin ħallsu €2 biljun f’bolla biss. Ħafna minn dawn il-ħaddiema minħabba li ma jdumux f’Malta ma jiħdux pensjoni. Dr Muscat qal li dawn iż-€2 biljun marru biex jiżdiedu l-pensjonijiet tal-Maltin.

L-eks Prim Ministru żied li jekk ma rridux iktar ħaddiema barranin nistgħu nżarmaw il-Malta Enterprise, għaliex l-investituri barranin llum jistaqsu jekk hux se jsibu ħaddiema f’Malta. Il-ġenituri jridu li t-tfal tagħhom ikunu aħjar minnhom u jitilgħu ’l fuq. “Min se jagħmel ix-xogħol l-ieħor li hemm bżonn li jsir?”, staqsa Dr Muscat, waqt li semma bħala eżempju kif il-Maltin fost oħrajn ma jridux jagħmlu x-xogħol ta’ carers meta pajjiżna se jkollu bżonn iktar carers minħabba li l-popolazzjoni qed tixjieħ. 

Dr Muscat għamel referenza wkoll għal kummenti li ddeskriva bħala mhux studjati tajjeb li l-Kap tal-PN Alex Borg għamel dwar il-medicini ġeneriċi. Qal li dawn il-kummenti ħolqu tħassib għal xejn. “Dak li qal l-Kap Nazzjonalista huwa n-narrativa mitmugħa mil-lobby tal-farmaċewtika. Dikjarazzjonijiet bħal dawn iżda jimminaw l-ekonomija ta’ pajjiżna għaliex il-kumpaniji tal-mediċini f’Malta kważi kollha jagħmlu mediċini ġeneriċi. Pajjiżna allura qiegħed jagħmel mediċini inferjuri?,” staqsa Dr Muscat.

Dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Internazzjonali, l-eks Prim Ministru qal li din sabet li mhux talli ma insterqux flus imma Malta għandha tagħti €5 miljun. Fakkar li ironikament huwa jinsab akkużat fil-Qorti li rċieva parti minn dawn il-flus suppost misruqa. Dr Muscat spjega illi l-gvern ħareġ il-flus biex jitmexxew l-isptarijiet u mhux biex jinbnew u jiġu rranġati l-isptarijiet. “Il-flus għal dan l-aħħar għan riedu jsibuhom il-barranin. Dan ma ġarax, parti tort tal-barranin infushom u parti riżultat ta’ tfixkil li kien hemm biex dan ma jsirx.”

“Il-fatt li ħareġ huwa li mhux veru li ngħataw xi flus u l-barranin ħarbu bihom. B’mod indipendenti l-Qorti sabet li l-gvern għal dak li ħallas ħa servizzi ta’ kwalità tajba. Instab ukoll illi kieku dawk is-servizzi ngħataw minn Mater Dei kienu jiswew €63 miljun iktar,” fakkar Dr Muscat. 

L-eks Prim Ministru tkellem ukoll dwar dik li sejjaħ bħala l-isbaħ highway ta’ Malta li qal li hija l-baħar. Qal li meta huwa kien Prim Ministru kien ħareġ tender b’rotot b’diversi waqfiet f’ċerti postijiet. Il-gvern jinsab miexi f’dik id-direzzjoni. Il-baħar huwa l-iktar triq li bħala pajjiż irridu nuzaw anki ghaliex ambjentalment u ekonomikament hija l-iktar għażla sostenibbli. Dr Muscat qal li rridu ndaħħlu kultura li biex immorru minn post għall-ieħor nużaw il-baħar. Is-servizz jista’ jsir bla ħlas bħal kif ġara fil-każ tal-karozzi tal-linja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport