Saturday, December 14, 2024

BILJUN KONTRADIZZJONI (1)

Aqra wkoll

Minn Brian Scicluna, Viċi Ċerpersin tal-Fondazzjoni Ideat

Tista’ tgħid illi drajna issa li kif titħabbar l-elezzjoni ġenerali, iż-żewġ partiti l-kbar iħabbru l-iktar wegħdiet elettorali importanti ta’ dak il-partit. Din id-drawwa tista’ tgħid illi ntroduċieha l-Partit Laburista fl-aħħar żewġ elezzjonijiet. 

Din is-sena, mingħajr ħela ta’ ħin hekk kif tħabbret l-elezzjoni, l-Partit Laburista reġa’ addotta l-istess strateġija billi ħabbar serje ta’ proposti ambjentali ambizzjużi ħafna. Apparti li l-Partit Laburista rrikonoxxa li l-bżonnijiet tal-lum il-ġurnata huma differenti minn dawk ta’ ħames snin ilu, wera kemm ilu jaħdem fuq dawn il-proposti anke għaliex dak li qed jiġi propost huwa dettaljat, ċar u spjegat ħafna. 

Il-Partit Nazzjonalista jipprova jaddotta l-istess strateġija tal-Partit Laburista 

Sa ċertu punt il-Partit Nazzjonalista pprova jaddotta strateġija simili fejn fl-ewwel jiem tal-kampanja ħareġ jgħid kif ser ‘jinvesti’ biljun Ewro sabiex joħloq għaxar setturi ekonomiċi ġodda. Ikolli nammetti, li kif qrajt dan ħsibt li din id-darba l-Partit Nazzjonalista huwa verament ppreparat iżjed mis-soltu. Għalhekk bħal ħafna, ħadt interess inniżżel wieħed mill-ħafna verżjonijiet tal-manifest elettorali li fittxew ippubblikaw biex nifhem eżattament x’qed jiġi propost. Segwejt ukoll il-konferenzi tal-aħbarjiet u d-diskorsi li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni biex nifhem iżjed dawn il-proposti. Bħal ħafna nies, il-figura ta’ biljun Ewro qanqlitli kurżità u xtaqt nifhem minn fejn ġejjin dawn il-flus. Skond waħda mill-verżjonijiet tal-manifest li għandna s’issa, nofs dan il-fond ser ikun ġej minn self filwaqt li n-nofs l-ieħor ser ikun ġej minn depożiti individwali f’istituzzjonijiet finanzjarji. Ikolli nammetti, jien li mhux ġej mill-qasam finanzjarju tfixkilt xi tfisser din u għalhekk saqsejt ħbieb tiegħi li jaħdmu fis-settur x’jaħsbu li din tista’ tfisser. Kien hemm min qalli li forsi ser tinħareg xi tip ta’ skema ta’ bonds, kien hemm min qalli li forsi dawn il-€500m se jiġu minn fondi ġewwa l-banek ta’ nies li għal xi raġuni jew oħra m’humiex jagħmlu użu minnhom. Ma rridx nidħol fiha jekk din tistax issir jew le, però li hu żgur li kif se jkun qed jinġabar dan il-fond għadu ħadd ma fehem! 

Il-Metaverse, kunċett illi l-applikazzjonijiet tiegħu ghadhom qed jigu esplorati 

Issa ejja nħarsu lejn uħud mis-setturi ġodda li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista. L-ewwel settur li qed jiġi propost huwa l-Metaverse. Naħseb illi ħafna tfixklu għax dan il-Metaverse tant huwa kunċett ġdid illi ftit huma dawk li jafu verament x’inhu. Se nipprova nispjega fi kliem sempliċi x’inhu dan il-Metaverse. Tista’ ssejjaħlu bħala spazju diġitali fittizju li jirrreplika spazju li fiżikament verament jeżisti. Bis-saħħa tat-teknoloġija dak li jkun jista’ jidħol f’dan l-ispazju u jinteraġixxi ma’ nies oħrajn. Ħa ntikhom ftit eżempji. Immaġinak trid tara l-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-futbol. Minflok toqgħod issiefer u fiżikament tidħol fil-grawnd, fil-ħin tal-logħba tpoġġi bilqeda fuq is-sufan u minflok tixgħel it-TV, tilbes nuċċali diġitali u tkun daqslikieku bilqiegħda fil-ground. Apparti li tara l-logħba, tkun tista’ titkellem ma nies oħrajn li bħalek daħlu f’dan l-ispazju diġitali biex jaraw il-finali. Ħa ntikhom eżempju ieħor, immaġina għandek bżonn tagħmel ix-xirja. Minflok issuq u tmur fis-supermarket favorit tiegħek, tista’ tilbes dan in-nuċċali u b’mod virtwali tidħol f’dan is-supermarket. Dejjem b’mod virtwali timxi l-kurituri tas-supermarket u tagħmel ix-xirja tiegħek b’mod diġitali. Waqt li qiegħed f’dan is-supermarket tista’ tiltaqa ma’ ħbieb tiegħek mid-dinja reali, li kumbinazzjoni fl-istess ħin bħalek daħlu fl-istabbiliment diġitali biex jagħmlu x-xirja! Kif tlesti mix-xirja, tħallas b’mod virtwali u tistenna li fid-dinja reali x-xirja tasal għandek b’modi li issa drajnihom. Kunċett sabiħ hux? Verament! U iva mhux kunċett li għandna niskartawh għal kollox. Imma għalissa għandu biss kunċett u d-dinja teknoloġika, għalkemm hija eċitata ferm fuq dan il-kunċett, għadha qed tipprova ssib 

użu konkret biex dan il-kunċett ikun jista’ jsir realtà. Fid-dinja tat-teknoloġija teżisti teorija li jsejħula hype cycle. Din it-teorija tippreżenta l-ħsieb li meta jitfaċċa kunċett teknoloġiku ġdid, dan jgħaddi minn ħames fażijiet sakemm il-kunċett jinbidel fi prodott jew servizz tanġibbli li jaqdi bżonn reali tal-bniedem. Il-Metaverse għadu kunċett tant ġdid li dan iċ-ċiklu għadu lanqas beda! Jekk wieħed iħares lejn it-teknoloġija tal-blockchain, l-ewwel kunċetti li rajna f’dan ir-rigward kienu fl-2008. Illum il-ġurnata, 12-il sena wara d-dinja wkoll għadha qed tipprova ssib użu mainstream ta’ din it-teknoloġija! 

Allura naħseb ilkoll tifhmuni u taqblu miegħi meta ngħid li wieħed mill-għaxar setturi ġodda li jrid jintroduċi l-PN għadu wisq il-bogħod milli jibda jimpjega eluf ta’ Maltin u jagħmel differenza fil-kwalità tal-ħajja u l-prospetti tal-gradwati tagħna! Kieku qalilna li se jinvesti €100 miljun biex pajjiżna jsir ċentru ta’ eċċellenza fil-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni forsi kont nemmnu ftit iżjed għax il-probabiltà li jitjiebu l-prospetti ta’ mpjiegi ta’ kwalita’ għall-gradwati tagħna bis-saħħa tal-qasam tar-riċerka huma ħafna iktar reali u mmedjati mill-Metaverse! 

Ekonomija

Sport