Il-biljunarju Indjan, Mukesh Ambani, huwa interessat li jixtri lill-club ta’ Liverpool hekk kif għamel kuntatt mas-sidien tar-Reds, Fenway Sports Group.
FSG ilhom fit-tmexxija tal-club għal dawn l-aħħar 12-il sena peró wasal iż-żmien li jwarrbu biex xi ħadd ieħor jieħu lill-club fil-livell li jmiss u għaldaqstant huma miftuħa biex ibigħu.
Rapporti qed isostnu li n-negozjant Ambani issa rreġistra l-interess tiegħu li jixtri lill-club.
Qed jingħad li Ambani jiswa madwar £90 biljun, li jpoġġih fl-għaxar post fil-lista ta’ Forbes tal-aktar nies għonja fid-dinja.
Il-ġid ta’ Ambani ġej l-aktar minn Reliance Industries b’portfolio enormi, li hija l-akbar kumpanija fl-Indja kif imkejla mid-dħul.
Ir-rapporti jsostnu li Ambani diġà għamel l-ewwel pass lejn ftehim billi ressaq l-offerta bl-interess jidher wieħed b’saħħtu.
Ambani huwa passjonat tal-isport. Infatti huwa s-sid tal-club tal-cricket ta’ Mumbai IPL.
Ambani qed jiffaċċja kompetizzjoni minn partijiet interessati oħra fil-Lvant Nofsani u l-Istati Uniti iżda Ambani huwa kandidat b’saħħtu minħabba l-ġid tiegħu.
FSG allegatament qed jitolbu madwar £4 biljuni u Ambani jidher li jkun jista’ jilħaq dan it-tip ta’ ftehim.
F’każ li Ambani jkun is-sid ta’ Liverpool, huwa jagħtihom aktar qawwa ta’ nfieq fis-suq tat-trasferimenti fejn jista’ jsir it-tieni proprjetarju Indjan fil-football Ingliż … bl-ieħor huwa Venky’s ta’ Blackburn Rovers.