Monday, January 6, 2025

BINI EĊĊESSIV QED JEQRED LIL PAJJIŻNA

Aqra wkoll

Ilbieraħ ħadna l-aħbar sabiħa fuq kwistjoni li damet għaddeja madwar għoxrin sena dwar il-potenzjal ta’ żvilupp fil-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien f’Għawdex. L-aħbar li din l-art fil-Qala se tibqa’ għand in-nies u mhux mittiefsa wara li t-Tribunal dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar ikkonferma d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li ma jkunx hemm żvilupp fil-post. 

Minbarra din il-kwistjoni fuq din l-art hemm ħafna oħrajn. Donnu ftit jirrealizzaw li dan il-bini kollu qed jaffettwa l-ħajja. Il-pjanti, l-annimali, u anke ħajjiet il-bnedmin qed jiġu meqruda kawża ta’ żviluppar eċċessiv ta’ bini. Ma naħsbux f’għada, naraw biss sal-ponta ta’ mneħirna, naraw biss il-flus. 

L-iżvilupp tal-bini huwa importanti kemm bħala kostruzzjonijiet ta’ djar kif ukoll binjiet għall-kummerċ. Iżda f’din il-gżira ċkejkna tagħna, jekk se nibqgħu sejrin b’dar-ritmu, se jkollna aktar bini milli spazji miftuħa hekk kif l-art ftit ftit qed tiġi meħuda kollha. Iktar ma jiġi żviluppat bini, inqas art agrikola u postijiet miftuħa għar-rikreazzjoni. Dan ifisser li mhux se jkollna sorsi ta’ ikel. Meta taħseb dwarha, in-nies għandhom bżonnhom bħala sors ta’ ikel. 

Minbarra t-teħid tal-art is-siti tal-kostruzzjoni huma responsabbli wkoll għat-tniġġis fl-arja kawża tal-emissjonijiet ġejjin mill-makkinarju tal-kostruzzjoni u makkinarju ieħor u wkoll mit-trab mis-siti ta’ kostruzzjoni. Tniġġis li jaffettwa l-arja li nieħdu li qed iwassal għal aktar mard. 

M’għandniex nibqgħu nibnu daqshekk bini, jekk mhux utilizzat. Għandna wkoll nużaw materjali sostenibbli. L-awtorità għandha tkun konxja tal-estetika tal-lokalità u madwar l-area fejn ikun se jsir il-bini.

Hemm ħafna affarijiet li l-awtoritajiet u aħna jistgħu jagħmlu sabiex jieħdu ħsieb art twelidna! Huwa fid-dover ta’ kull wieħed minna li nħallu pajjiż aħjar għal uliedna. Ma nkomplux neqirduha!

Ekonomija

Sport