Friday, April 3, 2026

Bini mill-ġdid u restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ f’diversi toroq importanti fin-Nadur

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri żar ix-xogħlijiet estensivi ta’ bini mill-ġdid u restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ li għaddejjin bħalissa f’diversi toroq importanti fin-Nadur, fosthom Triq ta’ Xurdin, Triq ir-Ramla l-Ħamra, Trejqet ta’ Xurdin, u Triq l-Inżul tal-Franċiżi. Dawn ix-xogħlijiet għandhom l-għan li jsaħħu l-infrastruttura rurali fin-Nadur, filwaqt li jkomplu jħarsu u jippreservaw il-wirt agrikolu u ambjentali ta’ Għawdex.

Il-Ministru Camilleri stqarr li “Dan il-proġett qed jitwettaq b’finanzjament mill-Fondi Ewropej taħt il-Miżura 4.4 tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, b’investiment ta’ kważi €900,000. Permezz ta’ dan l-investiment, se jiġu restawrati jew mibnijin mill-ġdid madwar 1.2 kilometri ta’ sejjieħ. Dawn huma proġetti importanti, li jistgħu jidhru żgħar, però li jħallu impatt tajjeb ferm fuq l-ambjent tal-madwar, kif ukoll fuq il-viżwal għal dawk kollha li jżuru dawn il-postijiet ta’ kampanja madwar il-gżira ta’ Għawdex.”

Huwa kompla jgħid li dan il-proġett huwa xhieda tal-impenn kontinwu tal-Gvern biex jinvesti fl-ambjent rurali u jħares il-karattru uniku tal-pajsaġġ Għawdxi. II-ħitan tas-sejjieħ huma parti essenzjali mill-identità agrikola tagħna, u permezz ta’ dan ix-xogħol qed ikun żgurat li dawn jibqgħu preservati għall-ġenerazzjonijiet futuri, filwaqt li tkompli titjieb l-aċċessibbiltà u s-sigurtà f’dawn iż-żoni.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li dan l-investiment juri kif il-fondi Ewropej qed jintużaw b’mod effettiv biex jissaħħaħ is-settur agrikolu u jiġi mħares l-ambjent naturali ta’ Għawdex.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport