Saturday, December 21, 2024

Bini ta’ Ċentru Ċiviku ġdid għall-komunità tal-Imqabba

Iċ-Ċentru Ċiviku ser ikun qiegħed joffri s-servizzi ta’ Ċentru ta’ Matul il-Jum u servizzi ta’ berġa

Aqra wkoll

Ir-residenti tal-lokalità tal-Imqabba ser ikunu qegħdin igawdu minn bini ta’ Ċentru Ċiviku ġdid, u li fih il-Kunsill Lokali tal-Imqabba ser ikun qed jara li jinbdew diskussjonijiet biex joffri servizzi ta’ Ċentru ta’ Matul il-Jum, servizzi ta’ berġa u sala għall-Kunsill Lokali li jistgħu jużaw l-għaqdiet volontarji tal-lokal, fost servizzi importanti oħra għar-residenti Mqabbin.

Permezz ta’ iffirmar ta’ Memorandum of Understanding bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsill Lokali tal-Imqabba, id-Dipartiment ser ikun qiegħed jimpenja ruħu biex jibni dan iċ-Ċentru Ċiviku fil-qalba tal-lokalità tal-Imqabba.

Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia qal li huwa ta’ sodisfazzjon li wara djalogu kontinwu u ħaj mar-residenti Imqabbin u l-Kunsill Lokali, dan l-iffirmar ser iwassal biex ir-residenti jgawdu minn binja ġdida fejn fiha, mat-tlestija tal-proġett, ser jibdew ikunu offruti servizzi ta’ Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani kif ukoll servizzi ta’ berġa għar-residenti kollha.

Is-Sindku tal-Imqabba Grace Marie Zerafa, enfasizzat fuq l-importanza li dan iċ-Ċentru Ċiviku l-ġdid ser ikun qiegħed ikollu għar-residenti Mqabbin kif ukoll għall-għaqdiet volontarji tal-lokal li ser ikunu jistgħu jagħmlu użu minn dan il-post.

Iċ-Ċentru Ċiviku ser ikun qiegħed jinbena minflok binja eżistenti fi Triq Karmenu Ciantar, l-Imqabba.

Ekonomija

Sport