Sunday, November 24, 2024

Binja mitluqa fil-Park tal-Majjistrl se tinbidel f’dormitorju għall-istudenti

Aqra wkoll

Binja dilapidata u mitluqa fl-akbar park naturali ta’ Malta se tinbidel f’dormitorju għall-istudenti bħala parti minn proposta mressqa mill-Amministrazzjoni tal-Park tal-Majjistral. Dan il-proġett se jkun finanzjat minn The Mackintosh Foundation u Corinthia Hotels.

Il-Park tal-Majjistral tejjeb b’mod kostanti l-faċilitajiet tiegħu biex iservi aħjar lill-pubbliku li jżuru l-post u kif ukoll l-impenn tiegħu għall-edukazzjoni u l-għarfien ambjentali.

Skont il-Heritage Parks Foundation, l-entità responsabbli mit-tmexxija tal-Park, dan il-proġett se jagħti l-opportunità sabiex gruppi ta’ studenti u l-għalliem tagħhom ikunu jistgħu jgawdu minn perijodu itwal u minn esperjenza edukattiva akbar.

Kelliem għal The Mackintosh Foundation sostna li l-Park tal-Majjistral huwa parti mirakoluż ta’ kampanja selvaġġa mal-kosta Maltija li, bis-saħħa tal-passat militari tagħha, evitat li tiġi mħassra mill-iżvilupp modern.

Din ir-riżerva naturali spettakolari se tkun post uniku għall-istudenti u l-viżitaturi kemm biex igawdu kif ukoll jistudjaw l-istorja u l-bijodiversità taż-żona.

Il-Fondazzjoni Mackintosh fissret l-impenn qawwi tagħha li tgħin fir-restawr ta’ dawn il-binjiet ta’ wirt storiku biex tipprovdi akkomodazzjoni għall-istudenti u tappoġġja l-iżvilupp futur tal-park.

Min-naħa tiegaħu, id-Direttur tal-Iżvilupp tan-Negozju tal-Corinthia qal li l-Corinthia temmen bis-sħiħ fl-appoġġ ta’ kawżi denji u saħaq li dan iqisu bħala privileġġ għalihom li jappoġġjaw il-Park tal-Majjistral f’dan l-isforz bilgħan li jgħin lill-istudenti futuri japprezzaw u jifhmu aħjar is-sbuħija u l-bijodiversità ta’ din ir-riżerva naturali unika u importanti Maltija.

Sir Cameron Mackintosh, huwa l-persuna wara s-suċċessi tat-teatru tal-West End f’Londra fosthom Les Misérables, Phantom of the Opera, Cats u Hamilton. Fl-2017, Sir Cameron, li ommu hija ta’ dixxendenza Maltija, kien għamel donazzjoni sinifikanti biex jgħin fir-restawr tal-Kattidral Anglikan ta’ San Pawl fil-Belt Valletta.

Il-Fondazzjoni Heritage Parks li timmaniġġja l-Park tal-Majjistral hija magħmula minn Din L-Art Helwa, Nature Trust u The Gaia Foundation.
Bħala l-entita responsabbli għall-Park tirrapporta lill-Bord Majjistral, lill-Awtorità tar-Riżorsi tal-Ambjent bħala regolatur u lill-Ministeru għall-Ambjent. Il-proġett ta’ akkomodazzjoni għall-istudenti jifforma parti mill-iskop tiegħu għas-sostenibbiltà u l-edukazzjoni fil-Park.

Sport