Sunday, December 22, 2024

Bint biljunarju tibni 90 dar għall-fqar mill-flus li missierha warrbilha għat-tieġ

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Sheiro Munot bla dubju bħala tifla hija wkoll iffantażizzat fil-jum speċjali tagħha li fih hija tkun l-għarusa. Missierha, Ajay Munot, negozjant biljunarju Indjan, ried li x-xewqa ta’ bintu ssir realtà tant li għat-tieġ tagħha warrab is-somma sabiħa ta’ €220,000. Li ma stenniex kien li għal jum li bintu kienet se tiżżewweġ, hija ma riditx taħli dawn il-flus f’festin kbir. Minflok hija riedet tagħtihom għall-karità.

Ajay Munot, li għandu kumpanija kbira tat-tessuti, huwa wieħed mill-aktar negozjanti sinjuri fl-Indja. Barra minnhekk, Munot huwa espert tal-finanzi magħruf sew f’pajjiżu. Meta sar jaf bix-xewqa ta’ bintu, dan in-negozjant ried jaqtagħlha xewqtha u għalhekk, il-flus li warrab għall-jum tant mistenni għat-tieġ ta’ bintu, użahom biex jinbnew djar għall-persuni vulnerabbli fir-reġjun tagħhom.

In-nies tal-post apprezzaw ħafna dan il-ġest nobbli ta’ din il-familja. Min-naħa tagħha Sheira qalet li, “ir-rigal tat-tieġ li tani missieri ma setax ikun isbaħ”. Mhux talli hekk, talli meta l-kumpanija li kienet se tinbni l-istess djar saret taf li kienu sejrin għall-fqar, din iddeċidiet li ma żżommx flus għax-xogħol manwali iżda tieħu biss flus għall-ispejjeż tal-materjal meħtieġ.

Grazzi għal dan il-ġest sabiħ is-sidien il-ġodda ta’ dawn id-90 dar daħlu jgħixu fihom madwar sitt xhur wara t-tieġ ta’ Sheira. Ir-residenzi għandhom kamra tas-sodda waħda jew tnejn u mgħammra bl-aħjar mod għal għixien diċenti fosthom ilma, gass, elettriku u toilets. 

Permezz tax-xogħol li sar fl-inħawi u l-bini ta’ dawn id-djar, 90 familji f’diffikultajiet soċjali, illum il-ġurnata qegħdin igawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar.

Ekonomija

Sport