“Ninsab infurmat li fl-Estimi Finanzjarji għas-sena kurrenti allokati lill-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) , li jammontaw għal madwar €2.5 miljun, se tara lill-MICAS topera b’mod sħiħ u sostenibbli bħala mużew nazzjonali tal-arti kontemporanja”.
Dan iddikjarah il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokal Owen Bonnici fil-Parlament meta kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari li saritlu mid-Deputata Nazzjonalista Julie Zahra.
Il-Ministru Bonnici rrimarka li din l-allokazzjoni tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jinvesti b’mod serju u responsabbli fil-qasam kulturali, u li jiżgura li infrastruttura kulturali ta’ importanza nazzjonali bħall-MICAS ma tkunx biss bini miftuħ għall-pubbliku, iżda istituzzjoni ħajja, professjonali u effettiva fil-missjoni tagħha.
Spjega li parti sostanzjali minn dawn il-fondi hija diretta lejn it-tisħiħ tar-riżorsi umani meħtieġa sabiex il-mużew jitħaddem b’mod xieraq, inkluż dak amministrattiv, kuratorjali, tekniku, ta’ servizzi lill-pubbliku, sigurtà u manutenzjoni.
Żied jgħid; “Dan huwa essenzjali sabiex il-MICAS ikun jista’ joffri programm ta’ kwalità, jilqa’ lill-pubbliku b’mod professjonali u jopera skont l-istandards internazzjonali mistennija minn istituzzjoni ta’ dan il-livell”
Tenna billi qal li jixtieq jenfasizza li din iż-żieda mhijiex marbuta ma’ xogħlijiet kapitali jew spejjeż ta’ kostruzzjoni jew spejjez ghal programm artistiku.

