Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett inawguraw il-proġett tar-Riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Belt Vittoriosa, fil-Birgu. B’investiment ta’ ftit aktar minn €3 miljun, din il-pjazza storika issa għandha dehra kompletament ġdida b’ infrastruttura moderna, ħarsien sħiħ tal-patrimonju kulturali għani ta’ dawn l-inħawi, u aċċessibilità aħjar għall-familji Ġirbin u dawk kollha li jżuru din il-belt.
Il-responsabbiltà tal-proġett kienet f’idejn Infrastructure Malta (IM) b’kollaborazzjoni mal-Awtorità għat-turiżmu ta’ Malta (MTA). Apparti l-element storiku, dan il-proġett se jsaħħaħ l-istatus tal-Birgu bħala ċentru kulturali u turistiku. Minbarra x-xogħol infrastrutturali fuq is-servizzi li jgħaddu minn taħt l-art, bidla notevoli hija l-wiċċ tal-pjazza. Filwaqt li qabel kienet aktar dedikata għall-użu tal-karozzi, il-maġġorparti tal-pjazza llum inqalbet f’żona pedonali. Apparti li taw dehra ferm isbaħ lil din il-Pjazza, it-tim ta’ IM u MTA li ħadmu fuq il-proġett raw ukoll li jagħżlu elementi u materjali li jaqblu mal-ambjent storiku ta’ din il-belt.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg irringrazzja lil dawk kollha li ħadmu f’dan il-proġett, fosthom IM u MTA, entitajiet u ministeri oħrajn u b’mod speċjali l-Kunsill Lokali Birgu. “Fuq kollox grazzi lil dawk kollha li jgħixu, jaħdmu u jżuru din il-lokalità – kellkom sehem f’dan il-proġett u issa, din il-pjazza hija f’idejkom, biex tkomplu tagħmluha pjazza Maltija mill-isbaħ, f’belt tassew meraviljuża,” qal Ian Borg.
“Permezz ta’ proġetti bħal dan, il-gvern u l-imsieħba kollha fl-industrija turistika qed ngħollu l-kwalità tal-esperjenza tat-turisti u l-ħajja tal-komunità billi nħarsu u nsebbħu dak kollu li jiddistingwi lil Malta minn destinazzjonijiet oħrajn. Din il-Pjazza tiġbor ħafna mill-karatteristiċi uniċi tagħna – storja kbira, tradizzjonijiet, il-festi, il-wirt mibni, il-ħajja fil-każini u l-ħwienet tat-te. X’hemm isbaħ għat-turisti li jżuruna? Aktar ma’ ninvestu fl-attrazzjonijiet awtentiċi li noffru, aktar ma’ l-MTA tinvesti f’riklamar bilgħaqal li jattira lil dawk li jfittxu l-esperjenzi Mediterranji uniċi, aktar niġbdu lejna turisti ta’ kwalità li jkunu lesti jħallsu aktar għal dawn l-esperjenzi verament Maltin u Għawdxin. Din hija t-trasformazzjoni li qed naħdmu għaliha bħala pajjiż, bħala poplu – trasformazzjoni li tifforma parti mill-Viżjoni Malta 2050, u li biha qed nagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar lil kulħadd f’Malta u Għawdex,” temm jgħid id-Deputat Prim Ministru Ian Borg.
Il-Ministru Chris Bonett spjega li, “Il-pjazza tal-Birgu sservi ta’ mudell għal kif l-infrastruttura moderna u l-preservazzjoni storika jistgħu jmorru id f’id, biex jinħoloq spazju vibranti, funzjonali u sostenibbli għal ġenerazzjonijiet futuri.” Huwa semma li minkejja d-diversi sfidi li ppreżenta dan il-proġett, frott l-istorja rikka taż-żona li jinsab fiha, illum il-komunità tal-Birgu u dawk kollha li jżuru din il-belt, jistgħu jgawdu pjazza maħsuba biex tkun ċentru ħaj u attiv u li tirrispetta l-valur storiku tal-madwar.
“Dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni jirrappreżenta investiment sinifikanti fil-futur tal-belt Vittoriosa. Billi nerġgħu nagħtu l-ħajja lil din il-pjazza prinċipali mhux biss qed nippreservaw il-passat tagħna, imma qed noħolqu wkoll spazju pubbliku biex il-komunità tiltaqa fih. Din hija il-viżjoni tagħna fil-qasam tal-infrastruttura, fejn b’dan il-proġett u oħrajn simili, qegħdin nirrikonfermaw l-impenn tagħna biex noħolqu aktar spazji miftuħa għan-nies filwaqt li nagħtu prijorità għal mezzi alternattivi ta’ trasport bħal-mixi u r-rota,” temm jgħid il-Ministru Chris Bonett.
Is-Sindku tal-Birgu John Boxall irringrazzja lil gvern ċentrali tal-għajnuna biex il-ħolma tal-Vittorjosani issir realtà. “Il-kunsill ħadem id f’id mal-entitajiet governattivi mil-bidu tal-proġett, sabiex il-Birgu llum għandha pjazza denja ta’ din il-belt mimlija storja li kull min jżurha jista’ jgawdi,” qal is-Sur Boxall.
Minħabba s-sensittività mill-aspett arkeoloġiku, ix-xogħlijiet kollha ta’ iskavar u restawr saru taħt is-superviżjoni stretta ta’ arkeologi approvati mis-Sovrintendenza għall-Patrimonju Kulturali. B’mod partikolari, il-materjali oriġinali tal-pavimentar skopert fiż-żona tal-Collachio ġie ppreservat u inkorporat fid-disinn il-ġdid flimkien ma’ elementi li nstabu f’żona oħra u li wkoll ġew integrati fid-disinn tal-pjazza. Waqt ix-xogħlijiet, instabu diversi ġibjuni li matul is-snin kienu ntelqu, kif ukoll żewġ ċisterni fuq iż-żewġ naħat tal-ġibjun ewlieni taħt il-pjazza. Dawn tnaddfu u qed jintużaw bħala parti mis-sistema l-ġdida tan-netwerk tal-ilma tax-xita, li ser taħżen l-ilma fihom biex jintużaw skont il-bżonn.
Xogħlijiet fuq dan il-proġett inkludew ukoll:
• Tibdil tal-pajpijiet tal-ilma tax-xorb flimkien ma’ xogħol lokalizzat fuq is-sistema tad-drenaġġ.
• Għamara urbana flimkien ma’ planters u siġar ġodda.
• Installazzjoni ta’ netwerk ġdid għas-sistema tal-ilma tax-xita.
• Tneħħew il-linji tal-elettriku u s-servizzi minn mal-faċċati.
• Sar xogħol preparatorju sabiex fil-futur jiġu installati charging pillars għal vetturi elettriċi.
• Ġie installat dawl ġdid modern li jirrispetta l-ambjent taż-żona.
• Ġew installati stands għar-roti, biex jiġi faċilitat aċċess aħjar u tiġi mħeġġa mobbilità sostenibbli.
Preżenti għaċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Steve Ellul kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef.