Sunday, November 24, 2024

BIR-RESPONSABBILTÀ NKOMPLU NIĠĠIELDU L-COVID-19

Aqra wkoll

Kif kien bassar id-Direttur Ġenerali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), Tedros Ghebreyesus, il-virus tal-Covid-19 kompla jerfa’ rasu minkejja l-miżuri li ttieħdu kullimkien. Dan qed narawh ukoll f’pajjiżna billi f’dawn l-aħħar ġimgħat żdiedu l-każijiet ta’ infezzjonijiet anke jekk fl-istess waqt qed ikun hemm ukoll nies li jfiqu.

Ir-raġunijiet ewlenin wara din iż-żieda minn dak li rrapportaw l-awtoritajiet tas-saħħa lokali huma ż-żieda fil-mobilità soċjali, it-temp kiesaħ li esperjenzajna fl-aħħar jiem u s-sottovarjant tal-Omicron BA.2. Dan tal-aħħar qed ikun l-aktar predominanti mhux biss fl-Ewropa imma kważi fil-pajjiżi kollha tad-dinja. 

Dan il-varjant minkejja li jidher li hu xi ftit aktar dgħajjef mill-Omicron però għandu tendenza li jinxtered aktar malajr u jista’ jkun li minħabba din ir-raġuni li l-każi qed jogħlew. Minn dak li huwa xjentifikament magħruf sa issa, jidher li l-virus se jkompli jevolvi u jinbidel. Fortunatament, is-severità tal-marda qed tonqos minħabba t-tisħiħ tal-immunità permezz tal-vaċċin u l-infezzjonijiet. 

Minkejja dan kollu, ma nistgħux nittraskuraw milli nkomplu nieħdu ħsieb saħħitna u saħħet ħaddieħor għaliex kemm l-infezzjonijiet u l-każi ta’ mwiet jafu jkomplu jseħħu jekk l-immunità tal-persuna tibda tmajna. Għalhekk hija għaqlija li l-Gvern b’mod volontarju se joffri t-tieni doża tal-booster partikolament lil dawk vulnerabbli, lill-anzjani u kif ukoll lil dawk li sfortunatament ibatu minn xi kundizzjoni medika.

Kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu biex kif ġara fl-eqqel tal-pandemija, titrażżan l-imxija tal-Covid-19. Ninsistu għalhekk li r-responsabbilità individwali hija importanti anke minkejja li r-restrizzjonijiet se jkomplu jkunu rilaxxati. M’għandna nieħdu xejn foregranted, naġixxu bl-aktar mod responsabbli u nibqgħu nużaw l-għodod kollha neċessarji biex ma nħallux it-trażmissjoni tal-infezzjonijiet jiżdiedu.

Kif qal tajjeb id-Direttur Ġenerali tad-WHO, l-ilbies tal-maskri, id-distanza soċjali u l-ħasil tal-idejn jibqgħu fost l-għodod effikaċi biex il-pandemija tinżamm taħt kontroll u titrażżan kemm jista’ jkun malajr. 

Jekk bħala poplu nieħdu dawn il-pariri kemm tal-WHO kif ukoll tal-awtoritajiet lokali nittamaw li ma jdumx ma jasal dak iż-żmien meta nibdew innaqqsu mir-restrizzjonijiet li fadal u nerġgħu nibdew nesperjenzaw ħajja b’mod normali, anke minkejja li jidher li l-virus se jibqa’ fostna għal tul ta’ żmien. 

Sport