Il-proġett LIFE Arċipelagu Garnija ta’ BirdLife Malta jippubblika linji gwida dwar l-użu ekoloġikament responsabbli tad-dawl fil-Gżejjer Maltin
Bil-għan li jħares l-ambjent ta’ matul il-lejl fil-Gżejjer Maltin għall-għasafar tal-baħar u lil hinn minnhom, il-proġett LIFE Arċipelagu Garnija ta’ BirdLife Malta – li din is-sena jasal fi tmiemu – ippubblika sett ta’ linji gwida dwar l-użu ekoloġikament responsabbli tad-dawl f’Malta u Għawdex.
Dawn il-linji gwida għall-aħjar prattiċi f’dak li għandu x’jaqsam mad-dawl issa qed jitqassmu lill-imsieħba konċernati bħala parti mill-ħidma ta’ dan il-proġett iffinanzjat mill-programm LIFE tal-Unjoni Ewropea (UE) li matul l-aħħar ħames snin għamel minn kollox sabiex jagħmel mill-Gżejjer Maltin santwarju għall-Garnija, għasfur żgħir tal-baħar li jinstab biss fir-reġjun tal-Mediterran Ċentrali u tal-Lvant. Malta u Għawdex jilqgħu bejn wieħed u ieħor 10% tal-popolazzjoni dinjija ta’ dan l-għasfur, u għalhekk il-protezzjoni ta’ din l-ispeċi hija importanti fuq livell globali, speċjalment minħabba t-tnaqqis fil-popolazzjoni li l-Garni kien qed jiffaċċja f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin. Din l-ispeċi hija kklassifikata bħala ‘vulnerabbli’ mill-Għaqda Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) fuq ir-Red List of Threatened Species.
It-tniġġis mid-dawl fl-Ewropa qed jiżdied b’5-10% kull sena u 99% tal-popolazzjoni Ewropea tgħix taħt smewwiet imniġġsa mid-dawl – xejra li hija evidenti fil-Gżejjer Maltin riżultat ta’ skemi ta’ dawl mhux iddisinjati kif suppost u użu akbar milli suppost ta’ LEDs li jitfgħu dawl qawwi abjad. It-tniġġis mid-dawl hu fost it-theddid prinċipali li tiffaċċja l-Garnija. Dawn l-għasafar tal-baħar vulnerabbli huma sensittivi għat-tniġġis mid-dawl u din kienet waħda mill-kwistjonijiet prinċipali li indirizza l-proġett LIFE Arċipelagu Garnija, li fost l-oġġettivi li kellu kien hemm dak li jnaqqas it-tniġġis mid-dawl fil-kolonji fejn ibejjet il-Garni f’Malta u Għawdex.
Minkejja l-isforzi kollha li saru f’dan ir-rigward, hu fatt magħruf li din il-problema tista’ tissolva biss jekk ikun hemm kollaborazzjoni bejn kull min hu b’xi mod involut. Permezz ta’ dawn il-linji gwida ġodda għall-imsieħba differenti, qed nagħmlu pass importanti f’din id-direzzjoni. Minbarra dawn il-linji gwida, il-proġett LIFE Arċipelagu Garnija dan l-aħħar issottometta wkoll lill-dawk li jfasslu l-politika u jieħdu d-deċiżjonijiet numru ta’ policy recommendations relatati mal-istess suġġett.
Il-Guidelines for Ecologically Responsible Lighting, li l-pubbliku jista’ jsibhom ukoll hawnhekk, għandhom l-għan li jipprovdu lil kunsilli lokali, periti u żviluppaturi assistenza biex jiġu adottati l-aħjar prattiċi fid-disinn u l-assessjar ta’ sistemi ta’ dawl sostenibbli, effikaċi, vijabbli u li ma jippreżentaw l-ebda periklu lill-għasafar tal-baħar. L-oġġettiv prinċipali hu li jiġi promoss l-użu ekoloġikament responsabbli tad-dwal fuq barra, b’enfasi fuq l-għasfar tal-baħar, sabiex ikun evitat li b’xi mod jiġu mfixkla jew saħanistra jabbandunaw il-ħabitat naturali tagħhom u fuq kollox ma jispiċċawx imutu minħabba d-dawl. Fid-dokument wieħed isib il-prinċipji ewlenin f’dak li għandu x’jaqsam mal-migitazzjoni fir-rigward tat-tniġġis mid-dawl. Il-linji gwida huma mfassla wkoll b’mod li jikkumplimentaw l-istandards attwali tal-UE u l-liġijiet nazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam mad-dawl fuq barra.
Dawn il-linji gwida qed jiġu ppubblikati indipendentement mil-linji gwida dwar it-tniġġis mid-dawl li ħareġ il-Gvern Malti aktar kmieni din is-sena, li BirdLife Malta kkontribwiet lejhom ukoll b’numru ta’ proposti konkreti. Filwaqt li f’Ġunju lqajna b’sodisfazzjon il-pubblikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida u ddeskrivejniehom bħala l-ewwel pass konkret biex nilqgħu għall-effetti tat-tniġġis mid-dawl fuq il-bijodiversità, issa qed inħarsu ’l quddiem biex nipprovdu aktar suġġerimenti tul il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
Waqt li BirdLife Malta kellha rwol ewlieni fir-riċerka dwar l-impatt ambjentali tad-dawl artifiċjali matul il-lejl, speċjalment permezz tal-proġett LIFE Arċipelagu Garnija, nittamaw li l-linji gwida li għadna kif ħriġna flimkien mal-passi pożittivi li ħa l-Gvern iwasslu biex pajjiżna sa fl-aħħar ikollu policy dwar it-tniġġis mid-dawl, xi ħaġa li issa saret urġenza nazzjonali.