Monday, December 23, 2024

Birdlife tgħid li l-kaċċaturi spiċċaw jisparaw “fuq kulma jtir”

... Barbaġann misjub ferut fi grawnd ta' skola f'Ħaż-Żebbuġ

Aqra wkoll

Birdlife Malta fi stqarrija maħruġa qalet li l-aħħar sejba ta’ barbaġann ferut fi skola f’Ħaż-Żebbuġ huwa xiehda ta’ kemm il-kaċċaturi jisparaw “fuq kulma jtir”.

L-Għaqda kompliet biex tgħid li speċjalment fl-istaġuni miftuħa tal-kaċċa bħalma huwa l-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa li jintemm fl-aħħar ta’ Jannar 2024 lanqas għasafar li qed jinħelsu mill-kaċċaturi stess mhuma jeħilsuha.

Birdlife kompliet li l-għasfur instab minn membru tal-pubbliku li għaddieh lil BirdLife Malta lbieraħ u minn eżami li wettaq veterinarju tal-gvern kien konfermat li l-għasfur kien qed isofri minn ġerħa kkawżata minn tir ta’ senter, bil-ġewnaħ tal-lemin miksur. Kompliet biex tgħid li l-għasfur għandu ċurkett f’siequ tax-xellug bid-dettalji “024-BORP”. Dawn id-dettalji jindikaw il-fatt li huwa mill-proġett tal-FKNK, bl-ittri BORP jfissru “Barn Owl Reintroduction project”. 

Il-Barbaġanni jiġu mrobbija fil-magħluq f’faċilità fil-Buskett, qabel ma jinħelsu lura fin-natura bit-tama li dawn l-għasafar sbieħ imbagħad ibejtu mill-ġdid fis-selvaġġ madwar il-Gżejjer Maltin. 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal li dan l-inċident huwa biss farka mill-ammont kbir ta’ illegalitajiet tal-kaċċa li jseħħu f’Malta u jfakkarna f’kemm il-kaċċa hija qerrieda. Temm jgħid li episodju bħal dan juri kemm morna lura fiż-żmien meta anke l-isforzi tal-għaqdiet tal-kaċċaturi biex jippruvaw juru li qed jagħmlu xi ħaġa biex ipattu għall-attivitajiet tal-kaċċaturi jispiċċaw mtebbgħin.

Ekonomija

Sport