Wednesday, December 25, 2024

Birdlife tgħid li nqatlu 34 għasfur protett f’20 jum 

Aqra wkoll

L-NGO BirdLife Malta qalet li l-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa ta’ din is-sena kien mimli illegalitajiet. Birdlife iddikjarat li “li l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri jaf li l-Kummissjoni Ewropea mhix kuntenta bid-deċiżjoni tiegħu li jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-Gamiema u huwa konxju li dan kien illegali u sar bi ksur tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Għasafar li ma tippermettix il-kaċċa fir-rebbiegħa fuq din l-ispeci minħabba l-istatus ta’ vulnerabbli tagħha.”

Ta’ min jgħid li qabel fetaħ l-istaġun tal-gamiem, Birdlife kienu marru l-Qorti u l-FKNK kienet wieġbet għal dawk il-proċeduri.  Il-Ministru Clint Camilleri meta ingħatat id-deċiżjoni mill-Qorti kien iddikjara li “il-Qorti rrevokat il-mandat ta’ Birdlife Malta u ma laqatx it-talbiet tagħhom bl-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri kontra BirdLife Malta. Grazzi kbira lit-tim ta’ l-Avukat ta’ l-Istat u tad-WBRU li ħadmu lejl u nhar sabiex dan il-mandat ta’ inibizzjoni setgħa jiġi revokat.  Dak li huwa tagħna, jibqa’ tagħna”, kien iddikjara l-Ministru Camilleri.

Intant Birdlife allegat ukoll li l-kaċċaturi għamlu użu illegali ta’ apparat tal-għajjat elettroniku u anke bil-qtil illegali tal-Gamiem fl-ewwel ġimgħa meta setgħet tiġi kkaċċjata biss is-Summiena.

“Kien hemm numru ta’ każi ta’ nsib illegali għall-Gamiem, li wħud minnhom faċilment jispiċċaw f’guvi tal-FKNK. Dawn l-għasafar imbagħad jiġu ddikjarati bħala mrobbija fil-magħluq u jintużaw biex taparsi jnessu l-effetti negattivi tal-kaċċa fuq il-bijodiversità billi jinħelsu lura fin-natura,” allegat il-Birdlife.

Birdlife qalet li bejn l-10 u t-30 ta’ April, il-BirdLife rċeviet total ta’ 18-il għasfur ferut ta’ 15-il speċi protetta differenti waqt li l-Enivironmental Protection Unit (EPU) tal-Pulizija rċeviet 16-il għasfur li kienu kkaċċjati. 

Ekonomija

Sport