Saturday, December 28, 2024

Birdlife tikkjarifika dwar allegazzjonijiet ta’ kaċċatur

Tgħid l-istorja tiegħu hi vvintata mill-bidu sal-aħħar

Aqra wkoll

B’referenza għal artiklu ppubblikat minn Talk.mt bit-titlu “INDANNATI … Ilni sena nistenniekom, din kienet diġà mejta!”, fejn fih kaċċatur allega li l-allegazzjonijiet Birdlife Malta kienu riżultat ta’ mibgħeda lejn kaċċaturi u nassaba, l-NGO ħarġet verifika b’risposta.

Talk.mt dejjem ta spazju lil kulħadd kemm NGOs u anke individwi li jridu jesprimu lilhom infushom. Dan jista’ jixhdu l-artikli li tellgħu fuq dan is-sit.

Ir-risposta ta’ Birdlife Malta kif mibgħutha lilna hija din:

L-istorja li l-Arpa (Osprey) protetta li nstabet mejta fir-Riserva Naturali tal-Għadira aktar kmieni din il-ġimgħa hija l-istess għasfur li s-sena li għaddiet weħel ma’ arblu f’Kemmuna hija invenzjoni mill-bidu sal-aħħar.

Huwa ċar li l-kaċċatur li qed tikkwota l-istorja għandu fantasija liema bħalha, imma agħar minn hekk huwa l-fatt li Talk.mt ma ħassitx li kellha tiċċekkja l-fatti qabel qabdet u ppubblikat din il-gidba, jew tipprova tieħu reazzjoni ta’ BirdLife Malta għal din il-gidba sfaċċata intiża biss biex tipprova tiskredita lill-NGO. Aktar u aktar meta l-istess ġurnal online ħass li kellu jaqbad ma’ sempliċi messaġġ li ttella’ fuq Facebook minn ċertu Danny Farrugia li beda din ix-xnieha infondata li tkompliet minn xi membri tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK).

BirdLife Malta tikkjarifika li l-Arpa li kienet inġabret minn Kemmuna f’Ottubru 2022 kienet ġiet irkuprata minn Ambjent Malta u l-veterinarju tal-gvern kien iddikjara li l-għasfur tal-priża kien spiċċa vittma tal-kaċċa illegali. Il-karkassa tal-għasfur, bħalma jiġri bil-kumplament tal-karkassi, ġie mgħoddi f’idejn it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (Wild Birds Regulation Unit, WBRU) kif inhuwa l-protokoll uffiċjali. BirdLife Malta ma żżomm l-ebda għasfur mejjet jew karkassi fil-pussess tagħha.

Ta’ min jgħid ukoll li qabel l-inċident ta’ Kemmuna, f’April 2022, kienet instabet Arpa oħra ħajja imma feruta. U anke f’dan il-każ din kienet ikkonfermata li kienet vittma ta’ tiri ta’ senter mill-veterinarju tal-gvern. Dan l-għasfur kellu jitraqqad u l-karkassa tiegħu ġiet mgħoddija f’idejn l-istess WBRU.

Għaldaqstant l-Arpa li nstabet dan l-aħħar fl-Għadira hi t-tielet waħda li spiċċat fil-mira tal-kaċċaturi Maltin mir-rebbiegħa tal-2022 lil hawn, u wkoll kienet iċċertifikata li nqatlet b’tiri ta’ senter tal-kaċċa mill-veterinarju tal-gvern.

Din l-informazzjoni kollha tista’ tiġi kkonfermata mid-WBRU li normalment iżżomm il-karkassi sakemm teħles mimmhom, jew toffrihom lill-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali mmexxi minn Heritage Malta.

Dan kollu ma juri xejn ħlief li l-lobby favur il-kaċċa, u anke ċerti mezzi tal-midja, qed ikomplu jagħmlu minn kollox biex jiċħdu s-sewwa magħruf dwar il-qtil rampanti tal-għasafar fil-Gżejjer Maltin. Is-sitwazzjoni li qed jippruvaw ipinġu hi ferm ‘il bogħod mir-realtà hemm barra u l-każi ta’ kaċċa illegali li BirdLife Malta tesponi jkunu biss frazzjoni żgħira minn dak li verament ikun qed iseħħ matul l-istaġun fil-kampanja tagħna.

Ekonomija

Sport