L-Aggregate Shield tar-Regatta tal-Vitorja ntrebħet mill-Birgu u minn Bormla meta spiċċaw b’punti ndaqs f’avveniment li kien imxekkel minn baħar imqalleb konsegwenza ta’ riħ qawwi.
B’hekk filwaqt li din kienet it-22 suċċess għall-Bormliżi, kien it-tieni wieħed għall-Ġirbin.
Kategorija B, intrebħet minn Bormla għat-tieni sena konsekuttiva u għal total ta’ 17.
KATEGORIJA OPEN
It-temp kompla jippersisti u minkejja li l-organizzaturi tar-regatta ħasbulu minn kmieni biex jibdew it-tiġrijiet, jidher li xorta waħda l-baħar imqalleb qiegħed ixekkel l-andament tat-tiġrijiet.
Fit-tiġrija tad-dgħajjes tal-midalji li saret ftit tal-ħin ilu kien hemm ħames dgħajjes minn sitta li spiċċaw mgħarrqin. Mewġ qawwi kkawża biex ilmijiet kbar jidħlu waqt il-qdif sakemm konsegwentament id-dgħajjes spiċċaw mgħarrqin.
Kienet id-dgħajsa tal-Marsa l-ewwel li spiċċat taħt wiċċ il-baħar segwita minn dik tal-Isla. It-taqtigħa kienet missielta bejn Bormla u l-Birgu b’Bormla jidħlu ftit sekondi qabel iżda raw ukoll id-dgħajsa tagħhom tinżel taħt wiċċ il-baħar eżattament kif qabżu l-linja finali. Dawk tal-Birgu u tas-Siġġiewi wkoll spiċċaw bl-istess eżitu b’Marsamxett jidħlu b’qadfa kajmana – minuta u 10 sekondi wara – iżda xorta rnexxielhom jiksbu t-tielet post.
Punti: F’din it-tiġrija Bormla ħadu 20 punt, il-Birgu ħadu 12-il punt u sitt punti marru għand Marsamxett.
L-ekwipaġġ ta’ Bormla kien iffurmat minn Maximilian Mamo, Clive Casha, Dennis Thornton u Romario Brignone
Fit-tiġrijiet tal-Frejgatini, Bormla u l-Isla ddiżappuntaw minħabba li kellhom jabbandunaw l-isforzi tagħhom filwaqt li t-team tal-Marsa kien is-sorpriża meta ħareġ rebbieħ qudiem id-dgħajjes tal-Kalkara u tal-Birgu
Fit-tiġrija tal-Pass ta’ Bi Tnejn, ġiet fi tmiema d-dominanza tal-koppja Dennis Thornton u Clive Casha li flimkien ma’ Bormla, Birgu u Marsa rebħu għall-18-il darba konsekuttiva.
Din id-darba fid-dgħajsa ta’ Bormla huma temmew wara l-koppja tal-Birgu, Clyde Cutajar u Clayton Darmanin, b’Marsamxett jidħlu fit-tielet post.
Peró, mingħajr ma jitnaqqas mill-mertu ta’ Cutajar u Darmanin, Bormla kellhom żvantaġġ minħabba li kienu f’Lane 7 fejn ħakem l-aktar ir-riħ.
It-tiġrija tal-Kajjikki kienet waħda kumbattuta fejn Christian Camilleri u Nigel Sant, bid-dgħajsa tal-Birgu, għelbu lil dik ta’ Bormla biex fetħu tmien punti vantaġġ qabel it-tiġrija finali. Fit-tielet post temmew l-Isla.
Madankollu, is-Sengleani rebħu l-aqwa tiġrija – dik tal-Pass b’Erba Mqadef, li kienu segwiti minn Bormla u l-Birgu biex b’dawn iż-żewġ pożizzjonijiet tal-aħħar, kellhom jikkuntentaw li jaqsmu dan l-unur prestiġjuż bejniethom.
Kif spiċċaw: 56 – Birgu, Bormla; 28 – Isla; 12 – Marsa, Marsamxett; 8 – Kalkara
KATEGORIJA B
Bormla rebħu Kategorija B meta ttrijonfaw f’erba’ tiġrijiet minn ħamsa u għaldaqstant kien jimmeritahom dan is-suċċess.
L-ewwel tiġrija kienet dik tal-Pass ta’ bi Tnejn li ntrebħet mill-Kalkara, liema ekwipaġġ kien kompost minn Gilmore u Godwin Buttigieg, segwita mid-dgħajjes ta’ Bormla u Marsamxett.
It-tiġrija tal-Kajjikki ntrebħet mid-dgħajsa ta’ Bormla li kienet komposta minn Mel Magro u Damien Attard li daħlu fl-ewwel post bi tliet tulijiet.
Fit-tieni post daħlu Birżebbuġa li kellhom taqtiegħa ħarxa mad-dgħajsa tal-Kalkara.
Bormla rebħu t-tiġrija tad- Dgħajjes tal-Midalja b’mod komdu li kienu segwiti minn Birżebbuġa u Birgu rispettivament.
L-ekwipaġġ rebbieħ kien iffurmat minn Matthia Calleja, Charvon Gatt, Cleaven Falzon u Denzel Thornton.
Imbagħad, permezz ta’ Mel Magro, Matthia Calleja 9 Ezekiel Chetcuti (tmunier), Bormla rebħu t-tiġrija tal-Frejgatini biex għamlu pass kbir lejn ir-rebħ tax-Shield meta bnew vantaġġ ta’ 24 punt fuq Kalkara li f’din it-tiġrija spiċċaw fit-tieni post qabel Birżebbuġa.
L-aħħar tiġrija, dik tal-Pass ta’ bl-Ergħa, intrebħet minn Bormla li għelbu lil Kalkara bi frazzjoni ta’ sekonda, segwiti mill-Birgu.
Il-protagonisti kienu Mel Magro, Charvon Gatt, Cleaven Falzon u Damien Attard.
Kif Spiċċaw: 80 – Bormla; 48 – Kalkara; 24 – Birżebbuġa; 14 – Birgu; 6 – Marsamxett
Qabel ir-regatta saret it-tiġrija tal-frejgatini tan-nisa li ntrebħet minn dik tal-Birgu, f’ħin ta’ 8’04”, biż-żewġ qaddiefa jkunu Shazel Grima u Glynis Mizzi, bit- tmunier ikun Ishmael Frendo.