Petrocub …….3
Birkirkara …..0
(Aggregate 3-1)
Birkirkara sfaw eliminati mill-UEFA Conference League meta fit-tieni leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni marru l-Moldova u ħarġu telliefa bl-iskor ta’ 3-0 kontra Petrocub li rebħu b’aggregate ta’ 3-1.
Ta’ nota huwa l-fatt li l-players ta’ Birkirkara lagħbu bil-faxxa sewda, hekk kif nhar l-Erbgħa tħabbret il-mewt tal-eks president, Victor Zammit.
Eżatt qabel ma bdiet il-partita, ġiet osservata minuta silenzju għall-memorja tiegħu.
Kienu Petrocub li ħolqu l-ewwel periklu wara biss ħames minuti meta Victor Bogaciuc kellu xutt insidjuż mid-distanza li stampa mal-mimduda, bl-Istripes jeħilsuha ħafif.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u żewġ minuti biss wara Ion Bors ittanta xortih permezz ta’ xutt ieħor b’saħħtu mid-distanza li din id-darba intemm għoli.
Intant, kompla d-dominju tat-team mill-Moldova, u fis-36 minuta, il-goalkeeper Spanjol tal-Istripes, Miguel Angel Martinez, ħtieġlu joħroġ barra minn postu biex antiċipa tajjeb lil Maxim Cojocaru.
Azzjoni wara l-oħra, Petrocub, fid-39 minuta meritatament fetħu l-iskor meta MIHAI LUPAN dar tajjeb ma’ Cordova, u permezz ta’ xutt bid-dawra minn pożizzjoni ideali, tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Fil-55 minuta, il-Moldovani rduppjaw meta Ion Jardan għadda tajjeb lejn MIHAI LUPAN, li permezz ta’ xutt fil-baxx minn taħt il-lasta għeleb lill-goalkeeper, Miguel Martinez.
Kien biss fis-66 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota mill-Karkariżi meta Stephane Donovan Makoma ittanta xortih permezz ta’ xutt b’saħħtu mid-distanza li ntemm għoli.
Fit-68 minuta, Alex Satariano xeħet cross fid-direzzjoni tas-sostitut Lucas Macula, li kellu d-daqqa ta’ ras mill-viċin salvata f’corner bi bravura mill-goalkeeper ta’ Petrocub, Silviu Smalenea.
Fil-71 minuta, Satariano b’mod intelliġenti serva lil Franklin Sasere li għal darb’oħra ħareġ l-aħjar ta’ Smalenea, li dawwar f’corner.
Iżda, fis-76 minuta Petrocub issiġillaw ir-rebħa meta s-sostitut, NICOLAE ROTARU, venven xutt minn tarf il-kaxxa għar-rokna tax- xibka.
PETROCUB: 1-Silviu Smalenea, 90-Ion Jardan (8-Dumitru Demian 90), 21-Maxim Potirniche, 24-Cedric Ngah, 66-Ion Bors, 11-Sergiu Platica, 79-Victor Bogaciuc (7-Danu Spataru 90), 44-Jessie Guera Djou, 9-Vladimir Ambros (37-Dan Puscas 67), 23-Mihai Lupan (19-Nicolae Rotaru 73), 13-Maxim Cojocaru (15-Petru Popescu 73) – Coach: Shota Makharadze
BIRKIRKARA: 1-Miguel Angel Martinez, 4-Cordova, 5-Stefan Marjanovic, 25-Neil Micallef (77-Lucas Macula 57), 24-Leandro Lautaro Lacunza, 59-Stephane Donovan Makoma, 20-Alex Satariano, 29-Marcos Maydana, 33-Geoffrey Edwin Acheampong (22-Jan Busuttil 78), 27-Franklin Sasere, 9-Kemar Reid – Coach: Stefano De Angelis
referee: Oguzhan Cakir (Turkija)
ASS. refereeS: Abdullah Ozkara, Bersan Duran (Turkija)
RABA’ UFF. Ozan Ergun (Turkija)
SKORERS: M. Lupan 39, 55, N. Rotaru 76 (P)
AMMONITI: N. Micallef, M. Maydana (B), V. Ambros (P)