Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Meta kont żgħira, dejjem kont tifla attiva u sportiva. Kont nittrenja f’diversi sports differenti, imma mhux il-futbol. Madankollu, minn dejjem kont esposta għall-futbol għax missieri kien iħobb jarah ħafna, filwaqt li l-kuġini tiegħi kienu jilagħbuh u jinżlu l-grawnds. Il-Ħadd konna niltaqgħu għand in-nanniet u mhux l-ewwel darba li d-diskors kien jaqa’ fuq x’kien qed jiġri fid-dinja tal-futbol. Dejjem kont nieħu gost nisma’, imma qatt ma kont naf li l-futbol tan-nisa kien jeżisti u li stajt nittrenja fih. Ta’ 11-il sena, l-iskola ħaditna f’tournament tal-futbol kontra skejjel oħra. Wara din il-parteċipazzjoni kont sodisfatta immens, ħadt ħafna gost u tassew xtaqt nibda. Meta tkellimt ma’ missieri, hu ma kienx ċert minn din id-deċiżjoni, minħabba li kont diġà attiva f’ħafna sports differenti.
Għalhekk ilħaqna patt li jekk immur tajjeb fl-eżamijiet tal-iskola kien se jeħodni nittrenja mal-klabb ta’ Tarxien Rainbows, u jekk kont se nkun dixxiplinata u ċerta minni, kelli nagħżel bejnu u l-affarijiet l-oħra li kont nagħmel.Id-dixxiplina u d-determinazzjoni minn hemm bdew, għax kelli naħdem ħafna biex niksib dak li xtaqt. Studjajt, mort tajjeb fl-eżamijiet, u fl-aħħar ħadni nittrenja mal-U13 girls ta’ Ħal Tarxien. Hemmhekk sibt ħafna players li dak iż-żmien kienu diġà jiffurmaw parti mill-akkademja nazzjonali.Il-fatt li sibt min hu aħjar minni fl-isport, li kont naf li nista’ nkun plejer nazzjonali, u l-fatt li kelli sfida fejn stajt nikber bħala persuna, għamluni nħobb il-futbol. Minn hemm ġibt determinazzjoni kbira li rrikjediet ħafna dixxiplina biex nitgħallem u nlaħħaq mal-livell tagħhom. Naħseb dak kien il-mument li verament nibtet l-imħabba tiegħi għall-futbol: il-fatt li kelli xi ħaġa fejn nehda, xi ħaġa li tagħtini skop biex insir persuna aħjar, u opportunità fejn stajt nikber.
Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Birkirkara FC?
Birkirkara huwa tim glorjuż u l-iktar tim li rebaħ fl-istorja tal-futbol Malti fin-nisa. Huwa wkoll wieħed mill-ftit timijiet li jagħti importanza kbira lill-iżvilupp tal-players mill-akkademja sat-tim il-kbir. Naħseb li kemm bħala plejer kif ukoll bħala kowċ, Birkirkara FC huwa post fejn nista’ nuri dak li tgħallimt fil-passat, kif ukoll nibni iktar fuq dak li naf. Bl-għajnuna tal-kowċis, fosthom Billy Mock u Charlene Zammit, nista’ nitgħallem immens, għaliex huma persuni b’esperjenza kbira fl-isport u wkoll persuni li wrew fiduċja fija. Għaldaqstant, inħossni eċitata u onorata bl-opportunità li tawni biex inkun nista’ ngħin lit-tim ta’ Birkirkara jkompli jikseb unuri, u fl-istess ħin ngħin fl-iżvilupp tal-akkademja wkoll.
X’tikkkummenta fuq il-kowċ, Billy Mock?
il-kowċ Billy Mock għandu ħafna esperjenza fil-futbol Malti. Hu kowċ bravu immens li jaf il-logħba sewwa. Nemmen li bl-esperjenza tiegħu, kif ukoll bl-att karizmatiku u l-pożittività tiegħu, se jgħin ħafna lill-plejers, lill-kowċis u lill-klabb kollu.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Hibernians FC, u kemm tgħallimt minnha.
Ma’ Hibernians qattajt ammont sostanzjali ta’ żmien, kemm bħala plejer kif ukoll bħala kowċ. Bħala player nista’ ngħid li sibt ambjent professjonali fejn stajt nikber grazzi għall-faċilitajiet eċċellenti li hemm, kif ukoll għall-programm ta’ training li dejjem kien jinżamm b’enfasi qawwija. Mill-għajn ta’ kowċ, nista’ ngħid li hemmhekk bdejt l-ewwel esperjenza tiegħi f’dan ir-rwol u kelli kull opportunità biex nitgħallem dak kollu li naf sal-lum. Il-fiduċja li rċevejt u l-esperjenza li akkwistajt kienu ta’ valur kbir biex nikber kemm professjonalment kif ukoll personalment. Ma kinitx deċiżjoni faċli li nitlaq, iżda nemmen li kienet l-aħjar deċiżjoni kemm għalija nnifsi kif ukoll għall-karriera tiegħi.
Kif tqis il-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?
Il-futbol tan-nisa dejjem qiegħed jikber. Fejn għal tul ta’ snin twal il-ġirja għall-kampjonat kienet tkun bejn Birkirkara FC u Hibernians FC, issa f’dawn l-aħħar snin daħal ukoll Mgarr United – fejn anke rebħu l-Knock-Out – u Swieqi United, li rebħu l-kampjonat. Qed jiġu aktar barranin li mhux biss jgħollu l-livell tal-logħob iżda wkoll l-intensità tat-training. Barra minn hekk, naf li kull klabb qed jipprova jimbotta biex ikollu aktar għajnuna minn sponsors, sabiex ikun jista’ jkompli jiżviluppa t-timijiet tiegħu bl-aħjar mod professjonali possibbli. Importanti wkoll li ma ninsewx l-improvement kbir li sar fuq livell nazzjonali. It-tim nazzjonali Malti tal-futbol tan-nisa għamel qabża kbira fl-aħħar snin, kemm fir-riżultati kif ukoll fil-prestazzjoni, u dan hu rifless direttament fl-impenn tal-players u l-istaff tekniku, kif ukoll fil-fiduċja li qiegħda dejjem tikber f’dan is-settur. Dan waħdu juri ħafna. Madankollu, nemmen li għad baqa’ ħafna x’isir u għadna ’l bogħod milli nilħqu l-livell ta’ professjonalità li hemm fl-aqwa diviżjonijiet barra minn Malta.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Hemm il-bżonn ta’ aktar faċilitajiet moderni u wkoll li dawk li għandna jintużaw b’mod aħjar u aktar effiċjenti. Jekk dawn l-affarijiet jiġu indirizzati flimkien ma’ aktar appoġġ professjonali, nistgħu verament nagħmlu pass ieħor ’il quddiem biex noqorbu lejn il-livell ta’ professjonalità li naraw barra minn Malta.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna?
Illum il-ġurnata, għadna ħafna aktar opportunitajiet fejn nikbru u niżviluppaw, u hemm ukoll ħafna aktar informazzjoni minn fejn wieħed jista’ jitgħallem u jaħdem fuq id-dgħufijiet tal-players. Peró, għalkemm dawn l-aċċessi jeżistu, huma ftit dawk li verament jagħmlu użu minnhom. Xi kultant nara affarijiet li m’għandhomx iseħħu, jew li bi ftit aktar attenzjoni jistgħu jagħmlu differenza kbira fil-karriera ta’ plejer. Il-knowhow dwar kif timbotta lill-players bl-aħjar mod, is-serħan li għandu jingħata billi tqis li l-ħajja tal-players Maltin mhix dik ta’ xi ħadd li jilgħab biss il-futbol, l-aspett bħan-nutrizzjoni, u l-approċċ psikoloġiku ta’ kif timbotta l-plejers, huma kollha elementi li b’ftit aktar attenzjoni jistgħu faċilment jiġu indirizzati. Dawn huma fatturi li jagħmlu differenza kbira fl-iżvilupp u l-karriera ta’ player.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ li nixtieq inwassal hu li min jixtieq ikun ta’ suċċess fil-futbol jew f’kull sport ieħor irid ikun determinat ħafna, jaf eżatt x’irid fil-ħajja u jkun lest jagħmel is-sagrifiċċji meħtieġa għal dak l-isport. Id-dixxiplina hija kruċjali, taħriġ konsistenti, nutrizzjoni tajba, serħan adegwat, u li wieħed iħares saħħtu billi jżomm ’il bogħod minn drawwiet ħżiena. Fl-istess ħin, importanti li dejjem iżżomm bilanċ fil-ħajja. L-isport hu parti essenzjali, imma mhux kollox. Irridu niftakru li l-ħajja toffri ħafna iktar u għalhekk huwa importanti wkoll li nagħtu ħin lis-serħan u lil dak li jagħtina paċi.Meta jkun hemm konsistenza u bilanċ, nemmen li jkun hemm l-aħjar formula biex wieħed jasal għas-suċċess mhux biss bħala player, iżda wkoll bħala persuna!