It-tim tan-nisa ta’ Birkirkara ippreżenta l-iskwadri tiegħu għall-istaġun 2025/26 fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Skont il-kowċ il-ġdid tagħhom Billy Mock, Birkirkara għaddejjin minn fażi ta’ transizzjoni hekk kif ġew akkwistati plejers ġodda filwaqt li l-plejers żgħażagħ tagħhom fil-kategorija ta’ taħt is-16 u l-21 sena qed jingħataw ċans li jitħarrġu u saħansitra jilagħbu fl-ewwel tim. Dan barra li plejers bħal Stephania Farrugia, Charlene Zammit, Janice Xuereb u Gabriella Zahra huma issa s-simbolu tat-tim hekk kif se jkunu qed jgħinu lil dawn il-plejers il-ġodda bl-esperjenza tagħhom.
Mock qal li jinsab kuntent li se jkun qed jgħin f’din il-fażi ta’ transizzjoni bl-għan li t-tim jibqa’ kompetittiv u jissielet għall-unuri finali.
Il-captain Stephania Farrugia qalet li tinsab kuntenta li bdiet l-istaġun tagħha mal-iskwadra wara li għal ħafna mill-istaġun li għadda hi kienet imweġġa’ u damet barra għal numru ta’ xhur.
Tkellmet ukoll plejer oħra ta’ esperjenza Gabriella Zahra li sostniet li tinsab kburija li tagħmel parti mill-iskwadra tal-Istripes u li issa meqjusa bħala plejer stabbilita’ li lesta tagħti l-eżempju lill-plejers iż-żgħar.
S’issa Birkirkara lagħbu ħames logħbiet mill-Assikura Women’s League u kisbu sitt punti.
Kien hemm ukoll il-preżentazzjoni tat-timijiet ta’ taħt it-13-il sena, taħt is-16-il sena u taħt il-21 sena.