Birkirkara Youngsters u Qormi Pinto B għaddew għall-finali tar-Regional Knock-Out wara li għelbu lill-avversarji rispettivi tagħhom.
Il-Qriema għelbu lil Valletta Fossa Boys 21-13 filwaqt li l-Karkariżi kisbu rebħa ta’ 21-18 kontra Ħamrun 147C. Iż-żewġ naħat ma sabuhiex faċli fis-semifinali li ntlagħbu fuq żewġ legs.
Sadanittant il-finali bejn Birkirkara Youngsters u Qormi Pinto B se ssir nhar il-Ħamis 9 t’Ottubru.
Mill-banda l-oħra, il-Community KO wasal fl-istadju tas-semifinali wara li l-ġimgħa l-oħra ntlagħbu l-kwarti tal-finali fejn 1889 Bar Ħamrun, Birkirkara Juve, San Ġwann Tiki Taka Buddies u Cospicua Rangers B kisbu l-kwalifikazzjoni.
L-ikbar rebħa kisbuha Birkirkara Juve li għelbu lil Selmun Sports Club B 21-11. 1889 Bar Ħamrun għelbu lil Siġġiewi Montekristo C 21-13 filwaqt li San Ġwann Tiki Taka Buddies rebħu 21-18 kontra Siġġiewi Montekristo B. Finalment Cospicua Rangers B għelbu lil PL Floriana 21-17.
Matul din il-ġimgħa jsiru s-semifinali fuq żewġ legs hekk kif 1889 Bar Ħamrun jaffaċċjaw lil Birkirkara Juve filwaqt li San Ġwann Tiki Taka Buddies għandhom impenn kontra Cospicua Rangers B. Il-finali ta’ din il-kompetizzjoni se ssir nhar l-Erbgħa 8 t’Ottubru.