L-Unjoni Ewropea “sparat lejn il-pulmun tagħha stess” bis-sanzjonijiet mhux maħsuba li għamlet fuq ir-Russja. Qal dan il-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban fejn dan saħaq li jekk dawn is-sanzjonijiet mhux se jkunu qed jitreġġgħu lura, dawn se jkissru l-ekonomija Ewropea.
Kawża tas-sanzjonijiet imposti, il-provvista tal-gass ġewwa l-Ewropa ġiet ristretta filwaqt li l-prezzijiet tal-fjuwil żdiedu b’mod drastiku. Dan kollu qiegħed iwassal għal paniku fost numru ta’ pajjiżi hekk kif dawn iridu jsibu modi differenti ta’ kif se jġibu dawn il-provvisti tant importanti.
Meta kien qiegħed jiġi intervistat fuq stazzjon tar-radju, Viktor Orban qal li, “inizjalment jien ħsibt li sparajna għal saqajna [bis-sanzjonijiet] iżda issa huwa ċar li l-ekonomija Ewropea sparat lejn il-pulmun tagħha stess u qiegħda tiġġieled għall-arja.” Il-mexxej Ungeriż tenna li l-Ukrajna għandha bżonn l-għajnuna, iżda l-mexxejja Ewropej jeħtieġ li jikkunsidraw mill-ġdid l-istrateġiji tagħhom u dan hekk kif is-sanzjonijiet qed jikkawżaw ħsara kbira u mifruxa fuq l-ekonomija Ewropea u dan mingħajr ma jdgħajfu lir-Russja jew tal-inqas iqarrbu iktar il-possibbiltà ta’ waqfien mill-ġdid fil-kunflitt ġewwa l-Ukrajna.
Orban, li huwa kritiku kbir tas-sanzjonijiet, kompla jgħid li, “is-sanzjonijiet mhux qed jgħinu lill-Ukrajna u dawn huma ħżiena għall-Ewropa tant li jekk din tibqa’ tippersisti bihom l-ekonomija Ewropea se tinqatel… dak li qed nesperjenzaw bħalissa huwa insapportabbli.” Huwa temm jgħid li, “il-mument tal-verità issa wasal, il-mexxejja tal-Brussell jeħtieġ jammettu li għamlu kalkolu ħażin, li l-politika tas-sanzjonijiet kienet mibnija fuq assunzjonijiet ħżiena u għalhekk trid tinbidel.”
Intant, fl-aħħar sigħat l-Istat Uniti tal-Amerika kompliet taħdem biex tiffaċilita l-esportazzjoni tal-ikel u fertilizzant mir-Russja u għamlet dan billi assigurat lill-banek, lill-kumpani li jwasslu l-provvisti u anke lil dawk tal-assigurazzjoni li tranżazzjonijiet bħal dawn ma jmorrux kontra s-sanzjonijiet li Washington imponiet fuq Moska minħabba l-gwerra.
Din l-assigurazzjoni hija waħda kruċjali għan-Nazzjonijiet Uniti u għat-Turkija li fil-preżent qegħdin jaħdmu biex jilħqu ftehim mar-Russja li bih qamħ tal-Ukrajna li jinsab maqbud fil-port ta’ Odesa fil-Baħar l-Iswed ikunu jista’ jitqassam. Fil-preżent dan il-port jinsab taħt imblokk mir-Russja.
Min-naħa tagħha, l-Istati Uniti tal-Amerika qalet li l-isforzi tan-Nazzjonijiet Uniti u t-Turkija huma essenzjali hekk kif l-imblokk qiegħed iwassal għal problema kbira tal-ikel madwar id-dinja kollha kif ukoll żieda kbira ħafna fil-prezzijiet. Il-gwerra fl-Ukrajna wasslet biex prezzijiet tal-qmuħ, żjut tat-tisjir, fjuwil u fertilizzant jogħlew ħafna u dan qed joħloq biża’ ta’ kriżi dinjija tal-ikel.