Pierluigi Orlandini twieled fid-9 t’Ottubru 1972 u llum il-ġurnata għandu 52 sena. Hu eks plejer internazzjonali Taljan fejn kien jilgħab f’nofs il-grawnd.
Orlandini beda l-karriera tiegħu ma’ Atalanta fl-1989 għalkemm ma tantx kien jilgħab b’mod regolari. Fl-1992 hu mar jilgħab ma’ Lecce fejn qatta’ staġun għalkemm l-imħabba tiegħu lejn Atalanta baqgħet hemm minħabba li rritorna magħhom fl-istaġun ta’ wara.
Fl-1994, Orlandini ġie akkwistat minn Inter fejn qatta’ żewġ staġuni u eventwalment mar ma’ Verona fl-1996. Kellu ċ-ċans jilgħab ma’ Parma u Venezia għalkemm ma’ dawn iż-żewġ klabbs ma tantx kellu xi xorti ta’ barra minn hawn. Fis-sena 2000 ngħaqad ma’ AC Milan għal nofs staġun fejn lagħab biss żewġ partiti u skorja gowl wieħed biss. L-aħħar snin tal-karriera tiegħu qattagħhom mal-eks klabb tiegħu Atalanta u anke Brindisi.
Fuq livell internazzjonali, Orlandini lagħab 10 darbiet mat-tim nazzjonali Taljan ta’ taħt il-21 sena bejn l-1992 u l-1994 fejn skorja gowl wieħed biss. Dan il-gowl iżda kien wieħed deċiżiv għal Azzurrini hekk kif bil-golden gowl kontra l-Portugall rebħu l-finali tal-Kampjonat Ewropew 1994.
Riċentement, Orlandini kien f’Malta fejn kellu ċ-ċans jagħti l-kontribut tiegħu waqt sessjonijiet ta’ taħriġ fil-grawnd ta’ Ħaż-Żebbuġ qabel kamp ta’ taħriġ ta’ tliet ijiem li se jsir fl-istess grawnd organizzat mill-kowċ Malti u head coach tan-nursery ta’ Zebbug Rangers, Franco Agius, bejn it-30 ta’ Awwissu u l-1 ta’ Settembru li ġej.
F’dan il-kamp ta’ taħriġ, li se jġib l-isem ta’ Gigi Orlandini & Friends Football Stage 2024, se jkunu qed jieħdu sehem 3 / 4 kowċis internazzjonali Taljani, fosthom kowċ tal-goalkeepers. Applikazzjonijiet għal dan il-kamp ta’ taħriġ jinsabu miftuħa.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel fuq in-numru tal-mowbajl, 79438515.
Aħna ħadna din l-okkażjoni sabiex nintervistawh u nsaqsuh ftit fuq il-karriera tiegħu, fost affarijiet oħra.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn dejjem kont inħobb il-futbol sa minn meta kont żgħir. Fil-verita’ kont inħobb ħafna l-isport minħabba li barra l-futbol kont nipprattika wkoll it-tennis u l-basketball. Kien hemm mument f’ħajti fejn kelli nagħżel u ddeċidejt li mmur għall-futbol. Jien twelidt fir-raħal żgħir imsejjaħ San Giovanni Bianco li jinsab fir-reġjun tal-Lombardia, viċin il-belt ta’ Bergamo. Kont insegwi ħafna lil Atalanta u kienet ix-xewqa tiegħi li nilgħab magħhom, xi ħaġa li għamiltha għal tliet darbiet fil-karriera tiegħi.
Int kellek iċ-ċans li tilgħab ma’ klabbs prominenti bħal Inter, AC Milan, Atalanta u Parma. Kif tiddeskrivi l-esperjenzi ma’ dawn il-klabbs?
L-ewwelnett kif għedtlek aktar qabel, kelli x-xorti li nilgħab ma’ dawn it-timijiet prestiġġjużi. Minn dejjem kienet il-ħolma tiegħi li nilgħab fl-ogħla tarġa nazzjonali u anke internazzjonali. Jien lgħabt ħafna fis-snin disgħin li għall-futbol Taljan kienu snin tad-deheb b’diversi plejers ta’ ċertu fama li kienu jilagħbu fis-serie A Taljana.
Li tilgħab ma’ Inter u Milan hu diġa’ unur u aktar tard anke ma’ Parma li kellhom tim emerġenti dak iż-żmien bi plejers bħal Gianluigi Buffon, Fabio Cannavaro, Lilian Thuram u Antonio Benarrivo. Il-fatt li lgħabt li ma’ plejers famużi u ta’ ċertu kalibru, jien u naħseb jimlini b’ħafna ferħ.
Liema kien l-iktar gowl importanti li skorjajt fil-karriera tiegħek?
Bla dubju dak il-gowl li skorjajt fl-20 t’April 1994 mat-tim nazzjonali Taljan ta’ taħt il-21 sena kontra l-Portugall. Kienet il-finali tal-kampjonat Ewropew fejn kont skorjajt il-gowl rebbieħ. Niftakar li qbadt ballun mal-linja leminija u bqajt navvanza u fajjart xutt minn barra l-kaxxa li ħariġli tajjeb tant li għelibt lill-goalkeeper Portugiż. Kien tim magħmul minn plejers tajbin bħal Fabio Cannavaro, Roberto Muzzi, Christian Panucci, Francesco Toldo, Benny Carbone u l-captain Dario Marcolin. Il-kowċ kien Cesare Maldini li kien rinomat li jagħti ċ-ċans liż-żgħażagħ Taljani. Kont ferm kburi li tajt il-kontribut tiegħi sabiex għollejna t-Tazza tal-Kampjonat Ewropew 1994.
Kif inbidel il-futbol minn żmienek għal-lum il-ġurnata?
Inbidel ħafna. Fi żmienna bejn is-snin tmenin u disgħin kien hemm numru ta’ plejers individwali li kienu kapaċi jbidlulek il-logħba. Illum għandek sitwazzjoni fejn hemm ħafna tattika u anke ħafna logħob fiżiku. Trid tkun fl-aqwa forma possibbli u l-kowċis saru aktar attenti kif jippjanaw logħba. Kważi kważi ngħid li logħba futbol saret tixbah ħafna logħba ċess.
Int tokkupa wkoll rwol bħala kowċ maż-żgħażagħ. Kemm tarah differenti r-rwol ta’ kowċ minn dak ta’ plejer?
Meta tkun plejer litteralment taħseb fik innifsek filwaqt li tara li l-kowċ ikun jista’ jilgħabek mal-ewwel ħdax. Meta int tkun kowċ, għandek karattri differenti li int trid tagħmilha magħhom u li trid tgħaqqadhom biex ikollok tim. Illum il-ġurnata l-ġenituri tat-tfal li jilagħbu l-futbol m’għandhomx karattru faċli speċjalment meta qishom jagħmlulek pressjoni biex tilgħab lit-tifel jew tifla tagħhom. Madankollu int trid tkun mhux biss kowċ iżda wkoll leader assertiv li tieħu d-deċiżjonijiet għall-aħjar tat-tim milli lejn l-individwu.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek u kif tarak għaxar snin oħra?
Bħalissa ninsab Malta u nimmaġina lili nnifsi f’din il-gżira għaxar snin oħra nieħu ftit xemx, ngħum u niddeverti. Xorta waħda iżda nixtieq nibqa’ involut fil-futbol għax dan l-isport jogħġobni wisq.
X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar it-tim nazzjonali Taljan li għadu kemm ipparteċipa f’EURO 2024?
Hu diffiċli tikkummenta l-wirja tat-tim nazzjonali Taljan f’dan l-aħħar EURO 2024. Xorta waħda ma nemminx li l-plejers kellhom ikunu daqshekk ħażin. Naħseb wasalna f’dan l-istadju u ma konniex motivati jew inkella fiżikament tajbin biex nilagħbu kontra avversarji li għandhom kalibru għoli. M’hemmx x’tagħmel, issa wieħed irid iħares lejn parteċipazzjoni fit-Tazza tad-Dinja 2026.
Nixtieqek twassal messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-futbol.
L-ewwel u qabel kollox dejjem għandu jkollok imħabba lejn dan l-isport tant sabiħ. Qatt taħseb li t-taraġ titilgħu f’daqqa, iżda kollox jibda ftit ftit. Madankollu, bit-taħriġ meħtieġ, wieħed jasal fejn jixtieq!