Saturday, December 21, 2024

“Bit-tilqima m’hemm ebda kompromess fis-sigurtà” – it-tabib Alex Magri

Aqra wkoll

“Il-fatt li morna minn virus ġdid f’Jannar għal tilqima li qed inpoġġu fin-nies f’Diċembru mhux qed jikkomprometti s-sikurezza, u lanqas qed jikkomprometti l-integrità xjentifika.  Hija riflessjoni tal-avvanzi xjentifiċi straordinarji li saru fit-teknoloġija tal-pjattaforma tal-vaċċini, li ppermettewlna nagħmlu affarijiet f’xhur li normalment kienu jieħdu s-snin.  M’hemm l-ebda kompromess fis-sigurtà.

Dan iddikjarah f’kumment li għadda it-tabib Alex Magri, wara li kien mistoqsi minn diversi pazjenti tiegħu domandi dwar it-tilqima.

Saħaq li “l-pjattaforma li fuqha nħadmu l-mRNA vaccines ilhom madwar 15-il sena jaħdmu fuqha fuq diversi viruses inkluż ebola, zika ecc. S’issa qatt ma rnexxielhom però fl-aħħar sabu soluzzjoni u rnexxiet. Barra minn hekk il-mod kif isiru il-provi kliniċi li normalment fiha 4/5 fażijiet u li b’kollox normalment jieħdu bejn 10-15-il sena ġew modifikati u saru biex ngħidu hekk ‘in parallel’ b’mod innovattiv ħafna u bl-istess riżultati robusti.” 

It-tabib Alex Magri saħaq li “dawn l-istudji li saru fuq it-tilqim huma voluminużi. Aktar minn 10,000 paġna! Huma aċċessibli u ġew studjati b’mod trasparenti minn bosta awtoritajiet regolatorji, xjentisti, epidemjoloġisti, virloġisti eċċ u bla dubju sabu li t-tilqim li ġew approvati s’issa huma kemm siguri kif ukoll effikaċi sa 95%. Dan ifisser li jekk jeħduhom mitt ruħ ha jipproteġu 95 minnhom!”.

Enfasizza li “dawn it-tilqim ma jagħmlux tibdil ġenetiku però b’mod innovattiv joħolqu proteina (antigen) li tgħallem lis-sistema immunitarja tattakka il-virus ez neutralising antibodies u immunità cellulari.  Hawn ħafna ħafna u ħafna ‘fake news’ u twerwir mill-fantszija ta’ x’uħud. Bir-raġun dan l-għidut ibeżża’ lil ħafna.  Tagħtux kashom!”.

Itenni li “mill-istudji li semmejt, il-benefiċċji u l-vantaġġi meta tieħu t-tilqima huma bil-wisq akbar milli ma teħodiex u l-konsegwenzi tal-marda tal-Covid 19 kulħadd jaf x’inhuma.  Jekk in-nies mhux se jitlaqqmu kontra l-virus, is-sitwazzjoni prekarja li għixna fl-2020 se ddum fis-snin li ġejjin. Fl-opinjoni tiegħi u ta’ oħrajn, il-virus se jsir endemiku jiġifieri kif jgħidu l-Ingliżi “It is here to stay”.”

Ekonomija

Sport