Sunday, November 24, 2024

Biżżejjed provi biex disa’ persuni mixlija bi traffikar uman jitqiegħdu taħt Att ta’ Akkuża

Aqra wkoll

Il-Qorti ddikjarat li hemm biżżejjed provi biex id-disa’ persuni mixlija bi traffikar uman għal skop ta’ prostituzzjoni, jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża.

L-imputati f’dan il-każ huma Luke Farrugia, Clint D’Amato, Denzil Farrugia, Alexandra Suhov Procora, Nicolae Efimov, Kane Vassallo, Luca Emanuele Corito, Dylan McKay u Gordon Cassar.

Fis-seduta, sar il-kontro-eżami tal-Ispettur John Spiteri, li wieġeb għall-mistoqsijiet tal-avukati difensuri.

L-Ispettur Spiteri kkonferma li Kane Vassallo ma kienx involut fit-tħejjijiet sabiex jinġiebu dawn in-nisa f’Malta, iżda qal li kien konxju tal-wasliet ta’ nisa ġodda mill-Kolumbja biex jaħdmu fl-industrija tas-sess. Dan, qal ix-xhud, kien dokumentat f’messaġġi fuq WhatsApp li fihom Vassallo rrefera għalihom bħala “new stock”. 

Mistoqsi dwar Luca Corito, huwa qal li dan kien għamel kuntatt ma’ waħda mill-vittmi darba biss, wara li Denzil Farrugia ma kienx irnexxielu jagħmel dan. 

L-Ispettur qal ukoll li aktar xhieda se jagħtu dettallji ta’ kif Corito kien konxju li huwa kien qed jibgħat lil waħda min-nisa li tipprovdi servizzi sesswali lill-klijenti, fejn kien ukoll tħallas €400 għal dan. 

Dwar Gordon Cassar, l-Ispettur qal li mill-investigazzjonijiet tal-pulizija rriżulta li huwa kien irċieva total ta’ €75,000 fil-kont bankarju tiegħu tar-Revolut, u dan f’inqas minn sentejn. Barra minn hekk, ġie osservat li l-flus kienu qed jidħlu fil-kont matul il-lejl.

Dan flimkien mal-fatt li d-depożiti kienu qed isiru €55 kull darba, li wassal lill-investigaturi jemmnu li l-ħlasijiet kienu qed isiru wara kull laqgħa sesswali ta’ 30 minuti bi ħlas. 

Sadanittant, lejn l-aħħar tas-seduta, id-Difiża talbet sabiex l-imputati jingħataw il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest, bil-Qorti mistennija li tagħti d-deċiżjoni tagħha fis-sigħat li ġejjin. 

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi John Spiteri, Joseph Xerri u Dorianne Tabone flimkien mal-Avukati Ramon Bonett Sladden u Charmaine Abdilla mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. 

L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Mario Mifsud, Nicholas Mifsud, Charles Mercieca, Roberto Montalto, and Kathleen Calleja Grima qed jidhru għall-imputati.

Sport