Tuesday, August 26, 2025

Biżżejjed provi biex Francine Farrugia titpoġġa taħt Att t’Akkuża

… “ma kinitx tibgħat l-audit files fil-ħin”

Aqra wkoll

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, iddikjarat li prima facie hemm biżżejjed provi biex Francine Farrugia titqiegħed taħt Att t’Akkuża. Dan irriżulta hekk kif ilbieraħ kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni ta’ Farrugia li tinsab mixlija bi frodi ta’ aktar minn €2.3 miljun fl-MCAST. 

Farrugia, li għandha 31 sena, kienet irriżenjat minn Kunsilliera fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u mill-Partit Nazzjonalista wara li kienet tressqet fil-Qorti. Hija qiegħda twieġeb mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha. 

L-unika xhud fis-seduta tat-Tlieta kienet id-Direttriċi tar-Riżorsi Umani fl-MCAST, Valerie Attard. Ix-xhud bdiet billi spjegat li l-imputata kienet daħlet taħdem l-MCAST f’Diċembru tal-2019 u xogħolha kien dak li tieħu ħsieb il-pagi. 

Hija qalet li Farrugia ġieli kienet imwissija talli ma kinitx tibgħat l-audit files fil-ħin li suppost u dan kien japplika wkoll għall-bank files. Żiedet tgħid li t-twissijiet kienu ħarġu permezz ta’ emails li l-Financial Controller kienet tibgħat lill-imputata. Kien hemm okkażjonijiet ukoll fejn l-imputata kienet tikkomunika mal-istess Financial Controller biex tgħidilha bil-bidliet li skont hi kien hemm bżonn isiru. 

Ix-xhud tenniet li hi ma kienet taf b’xejn qabel ma l-imputata ġiet arrestata. Hija semmiet ukoll li mal-arrest ta’ Farrugia kienet ċemplet lill-prinċipal u infurmatu b’dak li kien qed jiġri.

Il-Qorti semgħet ukoll kif minbarra x-xogħol tagħha relatat mal-payroll, l-imputata kienet ukoll fuq Kumitat tal-MCAST li jittratta l-allowances tar-riżorsi akkademiċi u kienet tagħmel xi “lecturing” wara l-ħin tax-xogħol tagħha.

Sadanittant, il-Qorti ordnat lill-prosekuzzjoni sabiex fi stadju ulterjuri tal-proċeduri ġġib biex jixhed lir-rappreżentant tal-Bank APS kif ukoll il-prova tal-audit trail u/jew audit files u bank files għal żmien tal-akkużi.

Il-każ ikompli fis-6 t’Ottubru.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Alessia Schembri u Michael Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Wayne Rodney Borg. 

L-Avukati Peter Fenech u Amy Zahra qed jidhru għal Farrugia. L-Avukati Stefano Filletti u Thea Licari qed jidhru għall-MCAST. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport