Fil-Qorti, hekk kif quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima kompliet tinstema il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Mohammed Hamdan, ingħad li hemm biżżejjed provi biex dan jitqiegħed taħt att ta’ akkuża, b’rabta mal-qtil ta’ Jean Paul Busuttil.
Fix-xhieda tiegħu, is-Surġent Kevin Saliba spjega li dakinhar tal-ewwel omiċidju tas-sena saru mat-tmien telefonati, erbgħa lill-112 u erbgħa lil 119.
Il-Prosekuzzjoni li qed titmexxa mill-Avukati Mauro Abela u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali spjegat li min-naħa tagħha għad fadlilha xi xhieda xi tressaq, fosthom uffiċċjal tal-LESA li ssejjaħ fuq il-post, ftit wara li l-omiċidju.
Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Edward Gatt, u Mario u Nicholas Mifsud. Dan filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri u David Farrugia Sacco qed jidhru għall-familja tal-vittma.