Minn Cristian Muscat
Bjorn Vassallo bħala president tal-Malta Football Association, huwa wieħed mill-aktar amministraturi sportivi Maltin rispettati fuq livell Ewropew, b’esperjenza li tinfirex fuq aktar minn 30 sena fil-futbol Malti u karriera li wasslitu sal-ogħla strutturi tal-UEFA u FIFA.
Aħna tkellimna miegħu dwar l-esperjenza tiegħu fit-tmexxija tal-MFA, proġetti li qed iseħħu u oħrajn li diġa’ ġew attwati kif ukoll il-livell tal-futbol Malti inġenerali fuq livell ta’ tim nazzjonali u klabbs.
Bjorn Vassallo ġie mistoqsi dwar l-imħabba tiegħu lejn il-futbol amministrattiv u kif beda kollox.
“L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet mill-iskola San Alwiġi,” jgħid Vassallo. “Kont nilgħab futbol, norganizza, u bdejt nifhem li l-logħba mhix biss dak li jiġri fil-grawnd.”
Fis-snin disgħin, hu għamel l-ewwel passi tiegħu fl-amministrazzjoni meta ngħaqad ma’ klabb lokali, esperjenza li fetħitlu għajnejh fuq id-dinamika vera tal-futbol Malti.
Minn hemmhekk, il-mixja kienet waħda gradwali iżda soda. Serva bħala Segretarju Ġenerali ta’ San Ġwann FC, u aktar tard sar membru tal-Kunsill tal-MFA. Fl-2010 ġie appuntat Kap Eżekuttiv tal-MFA filwaqt li fl-2014 inħatar Segretarju Ġenerali tal-assoċjazzjoni.
Il-ħidma tiegħu ma waqfitx fuq livell lokali. Vassallo okkupa diversi karigi fi ħdan il-kumitati ta’ UEFA u anke serva bħala Delegat tal-UEFA waqt Euro 2016 f’Nizza. Fl-2017, il-karriera tiegħu laħqet livell ieħor meta ngħaqad mal-FIFA taħt il-presidenza ta’ Gianni Infantino.
Huwa nħatar Direttur għall-Ewropa fi ħdan il-FIFA, jaħdem taħt Zvonimir Boban u flimkien ma’ Marco van Basten. “Kienet esperjenza unika li tatni perspettiva differenti ħafna,” jistqarr. “Meta tara kif jaħdmu strutturi kbar, tifhem aħjar x’hemm bżonn biex tmexxi l-futbol ’il quddiem.”
Fl-2019, Bjorn Vassallo kkontesta l-elezzjoni għall-presidenza tal-MFA u rebaħha. Ingħata mandat ta’ erba’ snin, b’fiduċja qawwija mill-membri. “L-esperjenza li ġbart ridt nagħtiha lura lill-futbol Malti,” jgħid. “Ridna direzzjoni ċara u naħdmu b’qalbna kollha.”
Illum, huwa meqjus bħala figura viċin ħafna kemm tal-presidenti ta’ FIFA kif ukoll ta’ UEFA, relazzjonijiet li jservu wkoll lill-futbol Malti.
Meta mistoqsi dwar l-akbar sfidi, Vassallo ma jiddejjaqx isemmi r-riżultati. “Trid iġġib riżultati aħjar minn dawk tal-passat, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-klabbs. Dan jitlob ħafna ħidma.” Is-suċċess ta’ Ħamrun Spartans fil-kompetizzjonijiet Ewropej żied l-aspettattivi, iżda wkoll poġġa pressjoni pożittiva fuq klabbs oħra.
Il-pandemija tal-Covid-19 kienet daqqa kbira: “Il-futbol waqaf għal sentejn, l-introjti naqsu u kien hemm ġenerazzjoni li tilfet xi ftit.” Minkejja dan, huwa jemmen li l-progress qed jidher fir-riżultati tal-aħħar xhur.
Il-promozzjoni fil-UEFA Nations League kienet pass ieħor ’il quddiem. Minkejja kollox għad fadal xi jsir fuq livell ta’ żgħażagħ.
“Riżultati iebsin fil-livell taż-żgħażagħ ma jdejqunix, qegħdin fi stadju ta’ żvilupp.” Huwa jisħaq li meta plejer jilbes il-flokk tat-tim nazzjonali tal-kbar, dan huwa unur kbir.
L-għan hu li jkun hemm 30 sa 40 plejer kompetittiv, u diġà diversi żgħażagħ għamlu l-pass ’il fuq. Huwa jsemmi b’mod speċjali lil Devis Mangia u Ray Farrugia li mexxew lit-tim nazzjonali fil-passat li introduċew aktar żgħażagħ fit-tim.
Fit-tim nazzjonali tan-nisa, Malta kisbet żewġ promozzjonijiet, li hu sinjal sabiħ ħafna filwaqt li taħt Emilio De Leo, minkejja li setgħu nġiebu aktar punti, it-tim żviluppa identità ċara. “M’iniex qalbi maqtugħa. Qegħdin fid-direzzjoni t-tajba.”
Bil-logħbiet kontra l-Lussemburgu fis-26 u 31 ta’ Marzu li ġej fil-play-offs tal-UEFA Nations League, Vassallo jħares ’il quddiem b’ottimiżmu iżda fl-istess ħin xi ftit kawt. “Nixtieq niċċelebraw promozzjoni għal League C. Inqis li għandna 50 fil-mija ċans. Lussemburgu għandu tim tajjeb, iżda nittama li jkollna pubbliku sabiħ li jagħtina ħafna kuraġġ u niktbu l-istorja.”
Is-suġġett tal-plejers ta’ dixxendenza jibqa’ delikat. “Hija sikkina li taqta’ minn żewġ naħat,” jispjega. “Jekk għandek eliġibbiltà tilgħab għal Malta u aħna ma niftħux għal din l-opportunità, inkunu qed nitilfu ċans importanti.”
Vassallo jammetti li l-Istadium Nazzjonali mhux fl-aqwa kundizzjoni tiegħu bħalissa, speċjalment meta jkun hemm xita kontinwa. Madankollu, l-MFA qed taħdem fuq masterplan u proġetti infrastrutturali, inkluż ċentru tekniku ġdid fejn se jintlagħbu ċerti logħbiet taż-żgħażagħ. “Il-grawnd tagħna huwa wieħed mill-aktar użati fl-Ewropa madwar 100 logħba fi staġun. Għalhekk għandna stadium nazzjonali li qed jaqla’ ħafna ġo fih.”
Dwar kwistjonijiet ta’ governanza u rapporti dwar irregolaritajiet finanzjarji, huwa ċar: “Qed nistennew li jsiru l-investigazzjonijiet. Sitwazzjonijiet bħal dawn jgħaddu, iżda nibqgħu mexjin ’il quddiem b’saħħitna bħala membri.”
“Il-motivazzjoni tiegħi biex inkompli hija waħda kbira aktar u aktar meta kelli fiduċja minn aktar minn 90 fil-mija tal-votanti,” jgħid b’ċertezza. “Il-membri għandhom fiduċja fija, għandna amministrazzjoni b’nies żgħażagħ u kapaċi, u ġenerazzjoni sabiħa.”
Il-messaġġ tiegħu hu wieħed ta’ għaqda: “Ningħaqdu flimkien. Il-futbol Malti huwa importanti għall-pajjiż. Irnexxielna nagħmlu proġetti kbar, għad fadal ħafna xi jsir, u jien sodisfatt li qed nimxu ’l quddiem.”
Bjorn Vassallo jibqa’ figura li tgħaqqad l-esperjenza, il-viżjoni u l-perseveranza u għalhekk amministratur li ra l-futbol jinbidel, iżda li għadu jemmen li l-aħjar kapitlu tiegħu għadu quddiemna.




