Monday, November 4, 2024

Bjorn Vassallo jiltaqa’ mal-president tal-FIFA, Gianni Infantino

Aqra wkoll

Il-President tal- Malta Football Association (MFA), Bjorn Vassallo, iltaqa’ mal-President tal-FIFA, Gianni Infantino, nhar it-Tnejn, fil-Bureau tal-FIFA li sar f’Pariġi fejn kellu diskussjonijiet kostruttivi dwar numru ta’ suġġetti relatati mal-iżvilupp tal-football tal-irġiel, tan-nisa u taż-żgħażagħ madwar il-pajjiż.

Il-President Infantino qal: “Dejjem hu ta’ ferħ kbir li niltaqa’ mal-ħabib tiegħi, il-president Bjorn Vassallo. Mill-elezzjoni tiegħu fl-2019 huwa għamel – u għadu jagħmel – xogħol inkredibbli, jaħdem bla heda biex jiżviluppa l-infrastruttura, il-faċilitajiet u inizjattivi tal-football madwar Malta. Nawgura kull suċċess lilu u lill-MFA, fil-proġetti futuri tagħhom u nistenna bil-ħerqa li naħdem mill-qrib magħhom matul is-snin li ġejjin.”

Minbarra li rċevew aġġornamenti dwar l-istatus tal-proġetti ta’ żvilupp tal-football f’Malta, iż-żewġ presidenti setgħu wkoll iħarsu lura lejn ix-xogħol li diġà sar flimkien, u ’l quddiem lejn l-opportunitajiet maħluqa mill-FIFA Forward 3.0 – iċ-ċiklu l-ġdid tal-iżvilupp tal-football tal-FIFA, mekkaniżmu ta’ finanzjament.

“Illum kollox huwa kkonċentrat fuq il-programm tal-FIFA Forward. Naħseb li hija ħidma kbira mill-FIFA, għax nistgħu nużaw il-fondi li ġejjin mill-football,” qal il-president Vassallo. “Naħseb li jien, li ġej minn assoċjazzjoni żgħira ħafna, Malta, għandna bżonn dawn il-fondi għax se jgħinna nikbru għall-pass li jmiss; se jgħinna nibnu l-football f’kull parti ta’ pajjiżna. ‘Il quddiem, dak kollu li qed jingħatalna mill-FIFA Forward ħalla impatt fl-aħħar snin, iżda se jħalli wirt akbar fil-futur.” Pilastru ewlieni ieħor tal-Viżjoni tal-President Infantino li jagħmel il-football verament globali, huwa li taħdem biex tiżdied il-kompetittività globali madwar il-football dinji. Xi ħaġa, li l-president Vassallo jinsab sod warajh.

“Nittamaw li l-FIFA tista’ tkompli ġġib il-football kullimkien fid-dinja, għax fl-aħħar mill-aħħar dan huwa kollu dwar l-iżvilupp tal-football,” żied jgħid. “Nisperaw ukoll li s-suġġetti li ħarġu fuq l-aġenda f’dawn l-aħħar xhur jiġu verament eżaminati sabiex ikollna dinja tal-football aktar ġusta u b’mod kruċjali b’saħħitha ħafna fis-snin li ġejjin.”

Sport