Monday, May 13, 2024

Bl-Għaqda nkomplu nsaħħu lill-Maltin

Aqra wkoll

Dejjem ngħidu li s-sigriet tas-suċċess fit-tmexxija tal-pajjiż hija l-għaqda tal-poplu tagħna. Meta konna magħqudin, dejjem irbaħna flimkien. U jekk inkunu magħqudin, inkomplu nirbħu flimkien.

L-għaqda waslitna fejn ninsabu llum. Aktar minn ħdax-il sena ilu, il-poplu tagħna għamel għażla favur l-għaqda meta vvota bi ħġaru bi jibdel id-direzzjoni tal-pajjiż u jimxi fid-direzzjoni li kien qed jurih il-Partit Laburista mmexxi minn Joseph Muscat. Kienet it-triq li wrietna kif għandna nħobbu lil pajjiżna, għal Malta hija tagħna lkoll.

Kienet it-triq li begħditna mill-awsterita li kienet qed tgħakkes il-poplu Malti u minflok bdejna mixja ta’ progress lejn tkabbir ekonomiku bla preċedent li kabbar il-ġid nazzjonali għal kulħadd.

Dan il-ġid gawda minnu kulħadd, għolla bil-kbir lil dawk l-akbar fil-livell t’isfel tas-soċjeta b’żidiet kbar fil-benefiċċji soċjali, fil-pensjonijiet, fis-servizzi tas-saħħa, bil-ħolqien tax-xogħol, bid-dħul lura fid-dinja tax-xogħol għal eluf ta’ nisa.

Għax komplejna nkunu magħqudin, komplejna nirbħu flimkien. Rġajna rbaħna fl-elezzjoni tal-2017 minkejja l-għajjat ta’ “barra barra” ta’ min ried iġib il-firda fil-pajjiż. Dawk li moħħhom biss kif se jitfgħu lill-Laburisti l-ħabs.

Erġajna rbaħna fl-elezzjonijiet Ewropej u tal-Kunsilli Lokali tal-2019 għax komplejna nkunu magħqudin. U ksibna l-akbar rebħa elettorali fl-istorja tal-pajjiż fl-elezzjoni ġenerali tal-2022 meta magħqudin wara l-Mexxej tagħna Robert Abela ikkonvinċejna lill-elettorat Malti li l-Partit Laburista fil-Gvern biss seta’ jkompli jġib l-għaqda fil-pajjiż, partikolarment wara r-riformi kbar anke kostituzzjonali li għamilna fis-sentejn ta’ qabel.

L-akbar għaqda urejniha waqt il-pandemija li laqtet lil pajjiżna bħalma laqtet lill-kumplament tad-dinja. Għaddejna minn żmien diffiċli ferm. Konna solidali ma’ xulxin. Gvern solidali mal-poplu Malti li rnexxielu jsalva l-impjieg ta’ mitt elf ruħ billi pprovda sussidju lil dawk kollha li kellhom jibqgħu id-dar għax il-post tax-xogħol tagħhom spiċċa bla xogħol.

In-nies kienu solidali mal-eluf ta’ tobba, infermiera, carers u dawk kollha li komplew jagħtu s-servizzi tagħhom fl-isptarijiet u d-djar tax-xjuħ tagħna. Poplu li wera tassew kemm kien magħqud f’dawk iż-żminijiet diffiċli.

Permezz tal-għajnuna li tajna waqt iż-żminijiet diffiċli tal-pandemija, il-pajjiż seta’ jiqba’ jimxi ‘l quddiem u jħejju ruħu biex meta jgħaddi kollox ikun f’pożizzjoni li jerġa’ jqum fuq saqajh fl-iqsar żmien possibbli.

Dan irnexxielu jagħmlu bil-kbir u sa lejn l-aħħar tas-sena 2022 konna diġa bdejna nduqu l-frott ta’ dan kollu għax pajjiżna kien fost l-ewwel, jekk mhux l-ewwel, li rnexxielu jirkupra mill-isfida tal-pandemija.

L-isfidi li ġew wara ma bżajniex minnhom l-anqas. Xahar biss qabel l-elezzjoni tal-2022 faqqgħet il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukranja u din ġabet riperkussjoni kbar fuq l-ekonomija tad-dinja bi prezzijiet tal-enerġija u fuels jogħlew kullimkien.

Imma għax kellna Gvern għaqli, f’Malta rnexxielna nżommu dawn il-prezzijiet iffriżati għal kif kienu 11-il sena ilu u l-piżijiet, minflok tfajnihom fuq il-poplu Malti, ġarrhom il-Gvern.

Mhux hekk biss, meta rajna l-piż li din il-kriżi ġabet fuq l-għoli tal-ħajja, erġajna konna solidali mal-poplu tagħna u permezz tal-iskema Stabbilta, raħħasna xejn inqas minn 400 prodott essenzjali u dan mill-ewwel beda jħalli riżultati fejn għall-ewwel darba bdejna naraw ir-rata tal-inflazzjoni niezla.

Issa wasal iż-żzmien li lill-poplu Malti nkomplu nsaħħuh. Irridu nkomplu ntejbulu l-kwalita tal-ħajja tiegħu. Aħna konxji li għad fadal ħafna xi jsir biex nilħqu dan il-għan. Sakemm nibqgħu magħqudin m’hemmx sfida wahda li ma nistgħux negħlbuha.

Irridu nkomplu nibnu fuq it-tajjeb kollu li għamilna s’issa u nirranġaw dak kollu fejn meħtieġ li nirranġaw. Fl-istess ħin irridu nkunu sodi kontra dawk li jridu jkissru dak kollu li rnexxielna nibnu flimkien.

Issa jmiss li nagħmlu minn kollox biex ikollha pajjiż aktar nadif, pajjiż aktar sabiħ. Irridu pajjiż li joffri sistema edukattiva li tinkludi lil kulħadd u li twassla biex ngħollu l-livelli f’kull settur edukattiv. Irridu li pajjiżna jibqa’ jħalli lil kulħadd iħobb lil min irid bla ebda indħil mill-istat. 

Fuq kollox irridu pajjiż ġust, pajjiż li jkompli jipprovdi x-xogħol lil kull min irid jaħdem. Pajjiż inklussiv li anke jilqa’ ħaddiema minn pajjiżi oħra li jiġu biex jipprovdu servizzi u xogħlijiet li m’għandniex biżżejjed Maltin li jistgħu jipprovduhom.

Għal dan kollu huwa mportanti li nipparteċipaw fl-eżerċizzju demokratiku li għandna quddiemna fit-8 ta’ Ġunju. Għandna bżonn lil kulħadd jipparteċipa fil-vot tat-8 ta’ Ġunju biex permezz ta’ rappreżentanza soda fil-Parlament Ewropew, lil pajjiżna nkomplu nsaħħuh u mhux indgħajjfuh.

Bil-vot tagħna fit-8 ta’ Ġunju nkunu qed nibgħatu l-aqwa messaġġ li rridu lil pajjiżna jkompli miexi l’quddiem fit-triq li permezz tagħha nkunu qed inkomplu nagħtu s-saħħa lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport