Saturday, December 21, 2024

Bl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-MoneyVal m’aħniex se nweġġgħu lin-negozji onesti – il-Prim Ministru

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li bl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-MoneyVal, il-Gvern qies sew li ma jweġġax lin-negozji permezz ta’ distinzjoni ċara u netta bejn il-kriminalità organizzata u l-operat ta’ negozji leġittimi u onesti f’pajjiżna.

Dr Abela qal dan f’laqgħa li kellu fil-Berġa ta’ Kastilja mar-rappreżentanti tal-Malta Chamber of SMEs bħala parti minn sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjonji għall-Budget 2021.

Il-Prim Ministru qal li fil-proċess tal-implimetazzjoni, il-Gvern qabbad nies esperti u kien kliniku fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-MoneyVal u mexjin fid-direzzjoni t-tajba.

“M’aħniex se nweġġgħu l-fiduċja li għandhom in-negozji u nipparalizzaw l-operat tagħhom. B’dak kollu li għamilna, rajna li nżommu distinzjoni ċara bejn il-kriminalità organizzata u l-operat ta’ negozji leġittimi u onesti”, qal Dr Abela waqt li serrħilhom rashom li se jibqgħu joperaw b’politika favur in-negozji.

Dwar il-budget għas-sena d-dieħla, il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jqis l-ideat imressqa bil-għan li noħorġu l-aqwa budget possibbli fiċ-ċirkostanzi. Dr Abela nnota kif f’Marzu li għadda ngħaqadna flimkien fejn bl-ideat proposti, il-Gvern implimenta tliet pakketti finanzjarji li salvaw eluf ta’ impjiegi.

Dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, il-Prim Ministru tenna dak li sostna fl-aħħar Kunsill Ewropew li rridu nagħtu l-opportunità lill-poplu Libjan biex jibni pajjiżu mill-ġdid. Hu qal li fil-Libja hemm opportunitajiet enormi u rridu naħdmu f’dik id-direzzjoni bil-għan ukoll li jsiru trade partners tagħna u tal-Ewropej.

Il-President taċ-Chamber of SMEs Paul Abela tkellem dwar il-ħtieġa li l-intrapriżi Maltin mhux biss jesportaw il-prodotti tagħhom lejn il-Libja iżda jibdew jinvestu wkoll f’dan il-pajjiż tant li diġà hemm interess minn bosta biex jagħmlu dan.

Is-Sur Abela feraħ lill-Prim Ministru Abela għat-tmexxija tiegħu ta’ pajjiżna u għall-ħidma li saret mill-Gvern biex jilqa’ għall-pandemija. Hu qal li dan hu rifless tajjeb fis-self ta’ €270 miljun li ħadu n-negozji mill-Bank għall-Iżvilupp.

Il-kamra pproponiet ukoll li l-Gvern ikompli bl-estensjoni tal-wage supplement u biex iniedi b’xi modifiki l-iskema tal-vouchers imħabbra fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomiku. Il-kamra pproponiet wkoll tnaqqis fit-taxxa għan-negozji u fir-rata tal-VAT.

Huwa temm jgħid li l-proposti li qed tressaq il-Kamra għall-budget tas-sena d-dieħla huma intiżi biex ikomplu jsalvaw in-negozji u l-investiment għall-futur.

Ekonomija

Sport