‘Ġejna hawn fuq visa għall-istudenti. Infurmawna li d-Degrees tal-European International University mhumiex akkreditati biss għal Ukrajna imma akkreditati ukoll mill-awtoritajiet Maltin. Dan għalina hu importanti għax la huma rikonoxxuti minn Malta stajna naħdmu fl-Ewropa. Ħemm min ħallas €10,000. Oħrajn €15,000 għall-sena kors.
F’daqqa waħda nisimgħu li din l-università spiċċat bil-liċenzja revokata. Aħna irċevejna ittra, biex nitilqu lura lejn pajjiżna. Din hi sitwazzjoni li spiċċajna fiha intortament. Spiċċajna bla status legali. Imma aħna x’tort għandna? M’hu qed nitolbu ebda konċessjonijiet. Ma rridux akkomodazzjoni bla ħlas jew edukazzjoni bla ħlas. Lesti li nħallsu. Kull ma rridu li jkollna status legali. Dak li ġara aħna ma kellna ebda kontroll fuqu. Ma’ din il-problema, issa għandna problema oħra li hi tal-akkomodazzjoni. Ġejna informati mis-sidien ta’ fejn ngħixu li huma ma rċevewx ħlas tal-akkomodazzjoni. Hemm sid qed jallega li għandu jieħu €10,000. Ieħor qed jallega li għandu jieħu €24,000. Riduna noħorġu. Grupp minnha ingħatajna ftit żmien ieħor. Grupp ieħor kellhom jitilqu minn fejn kienu”.
Dan iddikjaratu ma’ IT-TORĊA, Fariha, studenta Indjana li kienet tgħix fl-Għarabja Sawdija, qabel iddeċidiet li tibda kors fil-mediċina f’Malta. Fariha tgħid lil IT-TORĊA li “ninsabu f’inċertezza kbira. Ninsabu maqbudin hawn. Ġie kollox fuqna f’daqqa waħda. Lanqas id-dokument tagħna mhuma qegħdin għandna għax jinsabu maqfulin fl-università.” Nistaqsu x’tip ta’ dokumenti qiegħda tirreferi għalihom u tgħidilna li “passaporti u transcripts tal-università”.
Dan il-każ dur mal-fatt li l-International European Univeristy kellha l-liċenzja revokata. Dan wassal biex imbagħad l-Aġenzija Identità ikkanċellat il-permessi ta’ residenza għall-studenti barranin li kienu qed jistudjaw f’din l-università. L-istudenti ġew mgħarrfin b’komunikat minn Aġenzija ‘Identità’ li jridu jitilqu minn pajjiżna b’mod immedjat.
Minkejja li l-istudenti suppost kellhom laqgħa ma’ rappreżentanti tal-European International University, dawn iżda qatt ma dehru. Din il-laqgħa kienet importanti għal dawn l-istudenti għax riedu li jingħataw dokumenti li juru li huma kienet qegħdin jattendu korsijiet f’din l-università privata.
Fariha tenfasizza ma’ IT-TORĊA li “rridu nwasslu l-messaġġ li aħna ma rridux karita. Dak li qegħdin ninsistu għalih hu li d-dokumenti tagħna jingħatawlna lura u li jkollna status legali. Aħna ħallasna għal dan il-kors. Dak li ġara m’għandniex x’naqsmu miegħu aħna. Din hi sitwazzjoni partikolari. Li rridu status legali biex inkomplu l-korsijiet ma’ universitajiet oħrajn. Diġa hemm min kien lest li jgħinnha u offrewlna korsijiet bi skont. Dan iżda ma nistgħux nagħmluh jekk nibqgħu bla status legali”.
Ħallast €12,000 għal visa fil-Pakistan….domt nistenniha sitt xhur f’Dubaj,…ħallast €9,000 għal l-ewwel sena tal-kors
Student oħra oħra li tkellmet ma’ IT-TORĊA hi mill-Pakistan. Tgħidilna li “għamilt l-almu tiegħi biex niġi għal dan il-kors. Ħallast flejjes kbar biex ġejt”.
Tieqaf imbikkma. Nistaqsuha kemm ħallset. “Biex inħarġitli visa ħallast €12,000 fil-Pakistan”. Nistaqsuha jekk it-€12,000 humiex euros u tikkonferma.
“Dawk għal visa biss ħallasthom. Biex bdejt il-kors ta’ sena ħallast €9,000. Suppost kelli nida il-kors f’Awwissu tas-sena 2023. Imma kont f’Dubaj nistenna l-visa. Spiċċajt ġejt Malta f’April tas-sena 2024. Jiena kont fit-tieni sena kors tal-mediċina. Issa f’daqqa waħda dak li tant stinkajt għalih, qiegħed narah itir mar-riħ. Dan għal xi ħaġa li jien u l-istudenti sħabi m’għandniex x’naqsmu magħha. Aħna vittmi ta’ dak li wettaq ħaddieħor. Ħajjitna spiċċat iffriżata. Lanqas nafu x’se naqbdu nagħmlu. Qiegħda nipprova insib università oħra biex inkompli l-istudji tiegħi”.
Tgħidilna li “anki fl-akkomodazzjoni ma sibtx dak li kienu qaluli. Meta kelli niġi kont ġejt infurmata li kont se nħallas €250 fix-xahar għall-akkomodazzjoni. Biss meta ġejt hawn qaluli li ħlas hu ta’ €550 fix-xahar – aktar mid-doppju”.
“Jien qed nistenna li jkolli status legali….hawn min lest iħaddimni”
IT-TORĊA tkellmet ukoll ma’ Abdul Wahab, li hu ukoll mill-Pakistan. Jgħidilna li “jien ġejt f’din l-università u għamilt il-kors fil-Management. Jien lestejt il-kors tlett xhur ilu. Kelli napplika biex nestendi id-dokumenti ta’ residenza. Applikajt f’April. Infurmajt lill-università u anke lill-Identità Malta. Qaluli biex nistenna. Issa ġejt infurmat li dawn ma ġewx aċċettati. Jien kelli sidien ta’ postijiet tax-xogħol li kienu lesti iħaddmuni. Qiegħed nistenna biex forsi nistenna status legali. Naf sitt studenti oħra bħali.”
80 student… 80 storja
Tkellmu għadd ta’ studenti oħra. Kulħadd bl-istorja tiegħu. Kull storja tvarja. Kollha imma għandhom fatturi komuni fosthom dak li spiċċaw bla status legali f’pajjiżna għax l-università privata li kienu qegħdin jattendu fiha spiċċat bil-liċenzja revokata u għall-fatt li għandhom id-dokumenti li għadhom fl-istess università li issa hi magħluqa.
“Ninsabu frustrati għall-aħħar. Filli tkun qed tistudja biex tasal fejn ippjanat, filli issir taf li kollox se jisfaxxa. Tinkwieta mhux biss għax kollox se jisfaxxa imma anke minħabba l-flejjes li ħallasna. Għamilna sagrifiċċji kbar biex ħallasna dawk il-flejjes”, jkun il-kumment ta’ student ieħor.
“Aħna familja waħda….ninsew li Indjani, Pakistani, Asjatiċi jew Afrikani…għandna l-istess problema….nibqgħu flimkien”
U minn fost dawn l-istudenti jispikka messaġġ li beda jitmexxa bejniethom. Jafu li għandhom realtajiet differenti. Minkejja li hemm ħafna nazzjonalitajiet differenti fosthom studenti Niġerjani, Indjani, Pakistani, mit-Tanżanija, mir-Rwanda u minn pajjiżi Asjatiċi, bejniethom il-messaġġ kien ċar ħafna. Aħna familja waħda. Ninsew in-nazzjonalità tagħna. Għandna l-istess problema, nibqgħu flimkien”.