Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn mindu kont żgħir dejjem kont niġri bil-ballun miegħi u fl-etá ta’ erba’ snin, il-ġenituri daħħluni fin-nursery ta’ Mosta F.C. u ma ħaristx lura.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Tarxien Rainbows FC.
Esperjenza sabiħa speċjalment meta għandek grupp ta’ plejers li lesti li jaħdmu għal xulxin.
X’taħseb li kien is-sigriet wara s-suċċess tal-kisba tal-promozzjoni ta’ Tarxien Rainbows FC mill-BOV Challenge League għall-Malta Premier?
Bla dubju li l-għaqda tat-tim ta’ Tarxien Rainbows FC kien is-sigriet tas-suċċess. Dejjem konna hemm għal xulxin speċjalment f’mumenti diffiċli. Naħseb li kull plejer ikollu t-tiri personali tiegħu imma kulħadd warrabhom biex jitfa’ l-għan prinċipali tat-tim l-ewwel. B’hekk konna kapaċi niksbu dan is-suċċess, u nerġgħu intellgħu lil Tarxien Rainbows FC lura fejn tassew jistħoqqilhom.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Naħseb li tul is-snin, il-livell tal-futbol Malti sar ħafna aktar ibbilancċat fejn kull logħba saret kruċjali għax kwalunkwe tim jista’ jtellfek il-punti u jniżżlek iżjed ‘l isfel fil-klassifika.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Kemm il-grawnd fejn nitħarrġu u dawk tal-logħob – il-Victor Tedesco Stadium u s-Centerary Stadium huma grawnds tajbin grazzi għall-investimenti li saru fihom.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Inħares b’ottimiżmu għall-futur biex inkompli naħdem u ntejjeb il-kwalitá ta’ futbol li nilgħab.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Dejjem kun dixxiplinat u agħti l-massimu tiegħek. Tħalli lil ħadd iwaqqfek milli temmen li m’intix tajjeb biżżejjed, anzi użah bħala mezz biex turi x’taf!