Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn meta kont żgħir, kull ħin li kelli kont nilgħab bil-ballun, kemm id-dar, ma’ sħabi u mat-tim tiegħi, dak iż-żmien Sliema Wanderers Youth Nursery. L-imħabba tal-futbol ġiet ukoll mingħand missieri li kien plejer qabel u dejjem inkoraġġieni għal dan l-isport.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek fil-futbol qabel ingħaqadt ma’ Mqabba FC.
Bħala futbol tal-kbar lgħabt ma’ timijiet differenti fejn minhom ikkompetejna mal-aqwa timijiet u ksibt diversi promozzjonijiet fosthom ma’ Senglea Athletic FC, Msida SJ FC u Lija Athletic FC.
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara l-promozzjoni li ksibtu għan-Natioanl Amateur League 1 min-National Amateur League 2?
Bla dubju, kienet l-għaqda fi ħdan it-tim! Minkejja li ma kienx staġun faċli, bis-saħħa tal-għaqda u l-ispirtu ta’ tim irnexxielna negħlbu kull sfida li ġiet quddiemna. Dan il-kisba ma ġietx biss mill-plejers fil-grawnd, iżda wkoll minn dawk il-persuni li jaħdmu bla heda wara l-kwinti biex jagħtuna l-appoġġ meħtieġ.
Dan ir-riżultat hu frott l-impenn kollettiv ta’ kull min b’xi mod jew ieħor għenna, u għalhekk din il-promozzjoni hija dedikata lil kulħadd. Kburin li spiċċajna fit-tieni post tal-klassifika.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Inħoss li l-livell tal-futbol Malti mar ‘il quddiem. Ċerti timijiet f’kull livell tal- futbol Malti għandhom set-up ħafna aħjar minn qatt qabel fejn b’hekk qed naraw il-livell tal-logħba jogħla ‘l fuq. Tajjeb ngħidu wkoll li n-nurseries qed jgħollu l-livell tagħhom ukoll b’ħafna kowċis qed iġibu liċenzji fejn b’li jitgħallmu jkunu jistgħu jgħinu lit-tfal minn etá żgħira isiru plejers tajbin.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Bħala grawnds ukoll kien hemm diversi investimenti fejn ħafna mill-grawnds li qed nilagħbu fihom, għadhom kif inbidlitilhom l-art tagħhom għal waħda aktar moderna. Ovvjamamnet, fadal ħafna fejn nitjiebu f’dan l- aspett bħala futbol Malti. Bħala Mqabba FC, għandna faċilitajiet tajbin ħafna bil-grawnd li għadu kif jinbidel u l-faċilitajiet tal-madwar huma tajbin ħafna.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Kull sport, speċjalment il-futbol, hu sabiħ, u fih ħafna mumenti sbieħ. Ma’ dawn il-mumenti sbieħ, sfortunatament se jkun hemm mumenti koroh ukoll peró b’ħafna sagrifiċċji u ħidma, il-paġna ddur u jerġgħu jiġu mumenti sbieħ li tibqa’ tiftakarhom tul ħajtek kollha!