Monday, August 25, 2025

Bla flus…

- Jikteb Anthony Agius Decelis

Aqra wkoll

Hekk jgħidu missirijietna li bla flus la tgħannaq u lanqas tbus. Imma kif jaf kulħadd, il-flus ma jaqgħux mis-sema imma ġġibhom bix-xogħol u bid-deċiżjonijiet tajba li tieħu. Pajjiżna sejjer tajjeb mhux għax hemm xi ħadd barrani li jħobbna u li qiegħed jibagħtilna l-flus bħala rigal, imma għax f’dinja globalizzata qegħdin nieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin u qiegħed jirnexxilna nagħmlu suċċess ekonomikament.

Tajjeb li ngħidu li mhuwiex faċli li toħloq il-ġid. L-iktar ħaġa faċli għall-politiċi hija li jparlaw, imma li toħloq il-ġid mhuwa faċli xejn. Trid tqatta’ b’sninek u tikkalkula sew x’qed tagħmel. Hemm ħafna metodi kif tikkalkula kemm qiegħed toħloq ġid fosthom hemm dak li jsejħulu l-prodott gross domestiku, apparti kemm toħloq xogħol u impjiegi.

2023…


Fis-sena 2023 il-prodott gross domestiku ta’ Malta kien ta’ 75% li kien allura l-iktar prodott gross domestiku għolja fl-Unjoni Ewropea kollha. Ma’ dan kellna rata ta’ impjieg ta’ 81.3% fejn il-medja ta’ impjiegi fl-EU kienet ta’ 75.3%. Dawn juru li mhux biss kien qiegħed jinħoloq il-ġid imma wkoll il-ġid kien qed jitqassam tajjeb u l-impjiegi kienu qed jinħolqu. 

Għaliex importanti li jinħolqu impjiegi ġodda u li jistgħu jagħtu karriera u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin? Aħna l-klassi tan-nies tax-xogħol nieklu bil-paga li naqilgħu. Kien hawn żmien f’Malta, speċjalment taħt gvern Nazzjonalista, li tant kien hawn nies bla xogħol li l-ebda union ma kienet tissogra tagħmel talbiet kbar li kienu jixirqilhom lill-ħaddiema tagħna. Meta jkollok rata kbira ta’ nies bla xogħol is-“side effects” tagħha huma li jorbtu idejk kemm tista’ titlob kundizzjonijiet aħjar. 

Fil-2013 kien hawn mal-8,000 ruħ bla xogħol u l-gvern Nazzjonalista kien bla ideat kif jista’ jiġġenera ġid biżżejjed biex joħloq iktar xogħol u jdawwar l-ekonomija Maltija. Tant kien iddisprat u kellu l-finanzi xotti li beda jagħmel affarijiet li ħadd ma kien jimmaġinahom.

Fosthom anke mhux irħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma bħalma għamel il-Gvern ta’ Joseph Muscat, imma l-Prim Ministru Gonzi ressaq liġi biex jogħla l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u qalilna li kien dieħel jivvota bil-qalb biex jogħla l-kontijiet. Xi ħaġa li Alla ħares seħħet, għax l-effetti tagħha kienu jkunu tal-biża’. 

Mhux biss il-fatt li tiekol parti oħra mid-dħul tal-poplu – kemm ħaddiema bil-paga, kif ukoll il-pensjonanti tagħna – imma wkoll l-effetti li kellha fuq l-ekonomija Maltija kienu jkunu verament negattivi, għax kienet tkun mewġa li permezz tagħha tagħti daqqa kbira ’l isfel lis-soċjetà kollha, tixrob il-flus minn but il-poplu u ġġib stagnazzjoni ekonomika u devastanti.

Imma, gvernijiet Nazzjonalisti sa hemm kienu jaħsbu, għax qatt ma ppjanaw ’il bogħod – kollox imexxu minn kriżi għall-oħra. Jiddejnu, jonfqu u mbagħad id-dejn iħalluh għal uliedhom u wlied uliedhom. Daqshekk kienu jinteressahom minn futur sabiħ – futur mimli dejn għal uliedhom u wlied uliedhom.

Baġit 2025

Fil-Baġit tal-2025 il-gvern Malti kien ukoll qed jipplana li jnaqqas id-dejn li kellu jagħmel minħabba ħafna affarijiet, fosthom l-infieq li kellu jagħmel fil-pandemija li laqtet lid-dinja, u pjana li jnaqqas id-dejn minn 4.4% għal 4.0% għas-sena 2024 u jinżel għal 3.5% għas-sena 2025.

Il-Baġit tal-2025 pproġetta li sejjer ikun hemm tkabbir ekonomiku filwaqt li jżomm is-sussidju tal-enerġija, jiġifieri tad-dawl u l-ilma u tal-fuels. Mhux biss, imma r-riforma tat-taxxa kienet se tħalli madwar €140 miljun fil-bwiet tal-poplu kollu minħabba li kienu se jsiru aġġustamenti fil-bands tat-taxxa. Malta hija wkoll minn ta’ quddiem nett meta mqabbla mal-pajjiżi Ewropej l-oħrajn li għandhom ekonomija li qed tikber b’rata mgħaġġla.

Gvern b’ruħ soċjali

Is-sussidju tal-enerġija kienet deċiżjoni kbira min-naħa tal-Gvern Laburista. Meta tqabbel dak li għamel jew kien se jagħmel gvern Nazzjonalista – li kien se jogħla l-kontijiet tad-dawl u l-ilma meta d-dinja kienet fil-Bnazzi – ma’ dak li għamel il-Gvern Laburista meta d-dinja kollha kienet għadha ħierġa mill-ikbar xokk li qatt qalgħet tul dawn l-aħħar mitt sena, ma hemmx fejn tasal iżjed. Dawn huma l-affarijiet importanti li rridu nitkellmu fuqhom, mhux nagħmlu l-affarijiet u qisu ma ġara xejn.

Problema tal-Labour

Il-Gvern Laburista għandu problema kbira: jaħdem ħafna, iwettaq ħafna, jagħmel ħafna riformi kbar… imma ma jfakkarx lin-nies dak li jkun għamel. Ma jfakkarx lin-nies x’għamel ħaddieħor fl-istess sitwazzjoni. X’kienet is-sitwazzjoni u x’kellu jagħmel biex illum inkunu nistgħu ngħixu komdi kif qed ngħixu. Kollox qisu jittieħed for granted u qisu kollox sar għax kellu jsir hekk. Meta fil-fatt l-affarijiet saru hekk għax ittieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin u ttieħdu d-deċiżjonijiet biex il-piż ma jerfgħux iż-żgħir imma jerfgħu l-gvern. 

Saru riformi kbar f’kull settur. Fl-aħħar 12-il sena l-pajjiż għadda minn tibdil kbir f’kull settur. Nistaqsi: morru tkellmu man-nies u arau kemm jiftakru x’sar u min għamlu? Naqbel li x-xemx ma telgħetx 12-il sena ilu, imma dak li ġara fl-aħħar 12-il sena kien xi ħaġa kbira. Il-mod kif inbidel il-mudell tax-xogħol huwa mirakuluż. Kienu jiġu nies jitolbuni nipprova ngħinhom isibu xogħol bħal home help… Illum jekk ma jkunux il-barranin li jagħmlu dan ix-xogħol, Maltin ma ssibx. Maltin qegħdin jagħżlu li jaħdmu f’xogħol ieħor għax jitħallsu aħjar u għandhom kundizzjonijiet iktar favorevoli.

Għalhekk, jien kburi li kont protagonist fil-gvernijiet Laburisti mill-2013 ’l hawn, għax konna aħna li ħlomna, ħdimna, pjanajna u wettaqna r-riformi biex illum kull Malti u Għawdxi jista’ jgħix aħjar. Hekk hija x-xewqa tagħna: li nkomplu noħolqu l-ġid għax il-poplu tagħna jixraqlu l-aħjar. Għalhekk jixraqlu li jkompli jkollu Gvern Laburista jmexxi lil dan il-pajjiż.

Sliem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport