Saturday, December 14, 2024

Black Friday pożittiv, iżda x-xerrejja aktar attenti fin-nefqa tagħhom

Aqra wkoll

L-aħħar edizzjoni tal-Black Friday f’pajjiżna kienet l-eqreb waħda għal-livelli ta’ qabel il-Covid bix-xerrejja jbakkru minn filgħodu lejn l-istabbilimenti. Is-sidien tal-ħwienet spjegaw dwar il-ħeġġa li assistew għaliha iżda fl-istess ħin qalu li x-xerrejja kienu ferm iżjed attenti fin-nefqa tagħhom. Ikkonfermat dan fi stqarrija l-Kamra tal-SMEs fi stqarrija maħruġa minnha iżjed kmieni llum.

Intqal ukoll li minkejja nefqa inqas, anke minħabba problemi relatati mal-inflazzjoni, il-bejgħ ta’ appliances u apparat elettroniku li jintuża fid-djar kien wieħed pożittiv ukoll.

Bl-istess mod, ditti aktar affordabbli fl-industrija tal-moda u costume jewellery qabżu l-aspettattivi peress li kellhom bejgħ tajjeb ħafna. Ditti aktar stabbiliti bi prezzijiet ogħla ma marrux daqshekk tajjeb meta mqabbla ma’ ta’ qabel.

Huwa evidenti li setturi differenti bdew jadottaw strateġiji differenti għall-mod ta’ kif iqassmu l-offerti tagħhom. Xi wħud estendew l-offerti tagħhom biex ikopru l-biċċa l-kbira tax-xahar ta’ Novembru filwaqt li oħrajn qed iżommu l-offerti tagħhom sa tmiem il-ġimgħa.

In-negozji inġenerali huma kuntenti ħafna li minkejja s-sensazzjoni globali negattiva u l-pressjonijiet li qed joffru sfidi internazzjonali, raw lill-klijenti tagħhom ħerqana mill-ġdid biex jixtru.

Ekonomija

Sport