Cospicua Rangers huma l-ewwel finalisti tan-National Easter Trophy wara li fis-semifinali għelbu lil Qormi Pinto A 23-21. Kif wieħed jista’ jara mir-riżultat kienet partita missielta bil-Bormliżi li sabu oppożizzjoni iebsa għalkemm irnexxielhom jiksbu l-kwalifikazzjoni. Minkejja kollox, il-Qriema taw wirja tajba u kienu sfortunati li ħarġu b’idejhom vojta. Il-finali ta’ din il-kompetizzjoni tintlagħab nhar l-Erbgħa li ġej.
Sadanittant illejla nkunu nafu t-tieni finalista hekk kif Ħamrun 147 A jaffaċċjaw lil Mrieħel Billiard House A fit-tieni leg. Fl-ewwel konfront bejniethom kienu Ħamrun li rebħu 12-8.
Fir-Regional Easter Trophy, Qormi Pinto B u Ħamrun 147 B huma l-finalisti. Il-Qriema għelbu lil San Ġwann Tiki Taka Spartans 23-21 f’logħba ferm kumbattuta. Min-naħa l-oħra, il-Ħamruniżi kisbu rebħa komda ta’ 21-7 kontra Żebbuġ St Joseph A. Il-finali bejn Qormi Pinto B u Ħamrun 147 B se ssir għada.
Fil-Community Easter Trophy, Ħamrun 147 D u Birkirkara Boċċi għaddew għall-finalissima tal-lejla. It-tnejn li huma kisbu riżultat identiku ta’ 21-10 fuq żewġ legs b’Ħamrun 147 D li eliminaw lil San Ġwann Tiki Taka Buddies filwaqt li Birkirkara Boċċi jkunu aħjar minn PL Floriana.

