Ħamrun 147B u Valletta Breakwater telgħu fl-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat nazzjonali tal-Blackball flimkien ma’ Cospicua Rangers meta rebħu l-logħbiet rispettivi tagħhom.
Il-Ħamruniżi għelbu lil Jojo’s Birżebbuġa A 11-8 f’logħba ferm missielta filwaqt li l-Beltin ftit sabu diffikulta sabiex rebħu 11-4 lil Każin Pinto A.
Fir-Regional League, Birkirkara Youngsters u Mosta St Mary’s A għadhom ras imb’ras fuq quddiem tal-klassifika b’24 punt kull wieħed. Il-Youngsters rebħu lil Każin Pinto B 11-4 filwaqt li St Mary’s kienu aħjar minn San Ġwann White Hart tant li rebħu 11-3.
San Ġwann Nick’s u Birkirkara Boċċi temmew il-konfront ta’ bejniethom fi dro eċitanti ta’ 10-10 filwaqt li Ħamrun 147 C kisbu r-raba’ rebħa staġjonali wara skor ta’ 11-8 kontra Selmun Bar A 11-8.
Fi dwell bejn żewġ timijiet mill-istess belt, Birkirkara Duke’s A għelbu lil Juve Birkirkara A 11-6.
Fil-Community League, fl-ewwel post hemm Valletta Fossa Boys u Juve Birkirkara B li ltaqgħu bejniethom fil-konfront dirett u li spiċċa fi skor ta’ 10-10 u b’hekk ħadu l-ewwel draw tal-istaġun.
Isegwu fil-klassifika hemm Jojo’s Birżebbuġa B u Duke’s Birkirkara B li għelbu lil Domus Kids Żejtun (11-7) u Selmun Bar C (11-9) rispettivament.
Finalment, Mosta St Mary’s B għelbu lil PL Balzan A 11-8.