Se jkunu Leon Azzopardi u Dejan Grech li se jikkontestaw il-finali taċ-Champion ta’ Malta tal-Blackball wara li fis-semifinali tal-bieraħ għelbu lill-avversarji rispettivi tagħhom.
Dejan Grech xejn ma sabha faċli kontra Johan Attard wara li għelbu 9-8 f’logħba mimlija emozzjonijiet.
Attard stabilixxa vantaġġ għal darba darbtejn tul il-konfront għalkemm Grech dejjem żamm il-konċentrazzjoni sabiex ġab l-iskor indaqs. L-aħħar frame kellu jkun wieħed deċiżiv hekk kif bl-iskor ta’ 8-8, kien Grech li sab il-boċċa rebbieħa u eventwalment għadda għall-finali.
Min-naħa l-oħra, Leon Azzopardi ddomina għal kollox is-semifinali l-oħra kontra Ryan Pisani tant li rebaħlu 9-2. Azzopardi kien dejjem fil-vantaġġ b’Pisani li sabha ferm diffiċli biex iżomm mar-ritmu tal-avversarju tiegħu.
Il-finali tal-lejla bejn Leon Azzopardi u Dejan Grech tibda fis-7.30pm u se tintlagħab fil-Fuego Speakeasy Arena f’Birkirkara.