It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-15-il sena tal-Blackball kiseb waħda mill-aktar rebħiet spettakolari fil-Kampjonati Ewropej tal-Blackball li qed isiru f’Ennis fl-Irlanda meta għelbu lill-Ingilterra 8–7. It-tim iffurmat minn Jake Castaldi, Denzel Falzon, Dielyn Edwards u Nick Muscat kienu qed jitilfu 7–2 iżda b’wirja ta’ kuraġġ, il-fiduċja u d-determinazzjoni rnexxielhom idawru l-iskor favurihom. B’dan ir-riżultat, Malta U15 issa tinsab fl-ewwel post tal-klassifika b’18-il punt u għandha post assigurat fis-semifinali wara li aktar qabel rebħu wkoll 13-2 kontra l-Irlanda ta’ Fuq.
Sadanittant kien jum ieħor ta’ suċċessi għat- timijiet oħra Maltin. Fil-kategorija tas-Seniors B, Malta rebħet 13–12 kontra Skozja u 17–8 kontra Belġju.
Fil-logħob individwali, Mevrick Zammit għeleb lil Jack Carson 5–0, Clint Azzopardi lil Richie Oliver 5–3, u Clayton Castaldi lil Adam Giddy 5–2. Aktar tard, Chaylon Castaldi rebaħ 5–4 kontra Cohen Bradford, Neil Caruana 5–0 kontra Adam Cole, Wayne Pace 5–2 kontra Jon Roberts, Sam Bennett 5–3 kontra Miguel Amato, u Clayton Attard 5–2 kontra Charlie Begley.
Fil-kompetizzjonijiet tat-timijiet l-oħra, Malta Mens B għelbu lil Katalunja 17–8, filwaqt li tilfu kontra Irlanda (14–11) u Skozja (14–11). Il-Malta Seniors A kienu brillanti b’rebħiet ta’ 16–9 fuq Belġju u 15–10 fuq l-Iskozja.
It-tim tal-irġiel A wkoll impressjonaw b’rebħa ta’ 17–8 kontra l-Irlanda ta’ Fuq.
Fil-kategorija tal-Grand Masters, Malta tilfet 13–2 kontra l-Irlanda ta’ Fuq. Fl-aħħar logħbiet tal-ġurnata, Liam Mifsud rebaħ 5–3 kontra Steven McCormick, filwaqt li Matthias Debono għeleb lil Brooklyn Chambers 5–4.
Sadanittant, dan hu l-programm ta’ logħob tal-lum fejn se jkunu involuti t-timijiet Maltin:
12:00 (ħin Irlandiż) / 13:00 (ħin Malti)
- Skozja (Under 15 A) vs Malta (Under 15 A)
- Irlanda ta’ Fuq (Irġiel B) vs Malta (Irġiel B)
- Wales (Seniors B) vs Malta (Seniors B)
15:00 (ħin Irlandiż) / 16:00 (ħin Malti)
- Katalonja (Irġiel A) vs Malta (Irġiel A)
- Malta (Irġiel B) vs Irlanda ta’ Fuq (Irġiel B1)
18:00 (ħin Irlandiż) / 19:00 (ħin Malti)
- Malta (Under 15 A) vs Wales (Under 15 A)
21:00 (ħin Irlandiż) / 22:00 (ħin Malti)
- Malta (Irġiel A) vs Ingilterra (Irġiel A)

