Tuesday, December 24, 2024

Blackball: Riżultati mħallta għaż-żgħażagħ Maltin fi Bridlington

Aqra wkoll

Fit-tielet ġurnata tat-tazza tan-nazzjonijiet 2024 li qed issir fi Bridlington kien hemm riżultati mħallta miż-żewġ timijiet Maltin li qed jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni.

It-tim ta’ taħt it-18-il sena beda b’telfa żvinturata ta’ 13-12 kontra l-Ingilterra f’logħba li ż-żgħażagħ Maltin dejjem kienu mal-avversarji tagħhom bl-iskor li kien saħansitra 12-12. Minkejja kollox l-aħħar frame kien mirbuħ mill-Ingliżi.

Anke fil-logħba kontra Wales A, il-Maltin kienu viċin l-avversarji għalkemm xorta tilfu 13-12 filwaqt li reġgħu baxxew rashom kontra l-Iskozja li rebħu 14-11. It-tim ta’ taħt it-18-il sena pattew għal dawn it-tliet telfiet konsekuttivi billi rebħu lil Wales B 19-6.

Min-naħa tagħhom, it-tim ta’ taħt it-23 sena kiseb rebħa u telfa fit-tielet ġurnata tagħhom hekk kif għelbu lill-Irlanda 15-10 iżda tilfu kontra Skozja 14-11.

Sadanittant komplew il-kompetizzjonijiet individwali hekk kif l-aktar li avvanzaw kienu Denzel Falzon, Nordai Desira u Chaylon Castaldi b’tal-aħħar li saħansitra wasal sas-semifinali, għalkemm ġew eliminati Nick Muscat, Jake Castaldi u Steven Muscat.

Chaylon Castaldi għeleb lil Jamie Smyk 4-1, Liam Power 4-3 u lill-Malti l-ieħor Nordai Desira 4-2 sabiex wasal għal mal-aħħar erbgħa meta tilef kontra Jaden Bellingham 3-2.

Nordai Desira rebaħ lil Ben Pedrick 4-3, lil Callum Britt 4-3 qabel ma tilef kontra Chaylon Castaldi. Denzel Falzon rebaħ lil Rory Doherty 4-1, lil Ashton Atkinson 4-1, lil Lukas Bryton 4-3 qabel ma ġie eliminat minn Jack Finch 4-3.

Mill-banda l-oħra, Jaden Billingham rebaħ lil Nick Muscat 4-3, Deaken Murphy kien aħjar minn Jake Castaldi tant li rebaħlu 4-2 filwaqt li Jake Finch kien rebbieħ fuq Steven Muscat 4-2.

Ekonomija

Sport