Hemm stennija kbira għar-ritorn tat-timijiet nazzjonali Maltin li ħadu sehem fil-Kampjonat Ewropew tal-Blackball li sar fil-belt ta’ Ennis fl-Irlandiża. Fil-fatt il-kontinġent Malti mmexxi mill-president Philip Gatt jirritorna f’pajjiżna b’titjira diretta minn Dublin għall-ħabta tat-8.30pm.
Sadanittant f’dawn il-kampjonati, Malta kisbet tliet midalji tad-deheb oħra fl-aħħar ġurnata tal-Kampjonati Ewropej tal-Blackball 2025 wara s-suċċess tal-koppja Maltija Steven Muscat u Nordai Desira fid-Doubles ta’ taħt it-23 sena.
Fil-finali tal-Ewropa ta’ taħt il-ħmistax-il sena, it-Tim Nazzjonali immexxi minn Robert Attard rebaħ bl-iskor ta’ 8-4 kontra l-Irlanda ta’ Fuq.
Fil-finali tal-Ewropa tas-Seniors ta’ l fuq minn 40 sena, it-Tim Nazzjonali immexxi minn Darren Micallef kellu wirja stupenda fejn għeleb liċ-Champions renjanti tal-Ewropa u tad-Dinja l-Ingilterra bi skor dominanti ta’ 13-1. Dan it-tim niżżel isem Malta fl-istorja hekk kif pajjiżna kiseb l-ewwel unur f’din il-kategorija.
Il-finalissima tal-ġurnata kienet dik tal-Irġiel fis-Singles fejn wara d-diżappunt tat-Tim tal-Irġiel A fil-finali kontra l-Ingilterra, Mevrick Zammit naqqax ismu fuq it-trofew tal-Ewropa wara li għeleb lil Anthony Monarch 7-5 u sar Champion tal-Ewropa għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu.
F’dan it-turnew kien hemm madwar 1200 plejer jipparteċipaw. Kienu għaxart ijiem ferm intensivi għall-plejers Maltin li minkejja kollox taw qalbhom sabiex komplew jikkonfermaw li l-Blackball Malti jinsab fl-aqwa livell possibbli.

